Saturday, December 21, 2024

Imniedi d-dokument ‘Il-Politika Lingwistika għas-Snin tal-Primarja f’Malta u Għawdex’

Aqra wkoll

Illum tnieda uffiċjalment id-dokument ‘Il-Politika Lingwistika għas-Snin tal-Primarja f’Malta u Għawdex’, wara li kien imressaq għall-konsultazzjoni pubblika. Id-dokument tfassal biex joffri direzzjoni u appoġġ fl-użu tal- lingwi fil-kurrikulu u t-tagħlim tal-lingwi fis-snin li jsegwu s-snin bikrin, jiġifieri fil-primarja. L-għan ġenerali ta’ din il-politika huwa li tippromwovi u ssaħħaħ il-bilingwiżmu tat-tfal kollha fis-Snin tal-Primarja (ta’ bejn 7 u 11-il sena).

“Dan huwa dokument importanti li jkompli jibni fuq ħidma li saret fis-snin li għaddew u jagħti l-importanza mistħoqqa tal-lingwi u kif dawn jipprovdu bosta opportunitajiet lit-tfal u ż-żgħażagħ, jiffaċilitaw l-iżvilupp u jagħnu lis-soċjetà”, qal il-Ministru Grima. Huwa aċċenna wkoll għall-ħidma li qiegħda ssir biex jinxtered l-ilsien Malti u tissaħħaħ l-identità nazzjonali.

Id-dokument ‘Il-Politika Lingwistika għas-Snin tal-Primarja f’Malta u Għawdex’. Ritratt: Roger Azzopardi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima kien qed jitkellem waqt it-tnedija tad-dokument ‘Il-Politika Lingwistika għas-Snin tal-Primarja f’Malta u Għawdex’ fl-Iskola Primarja A tal-Mosta, Kulleġġ Maria Reġina.

L-importanza tal-lingwa bħala l-aqwa mezz ta’ komunikazzjoni u għalhekk essenzjali biex pajjiżna jkompli jiżviluppa fl-oqsma kollha tal-ħajja: ekonomikament, soċjalment, fl-edukazzjoni u fl-innovazzjoni, hija l-bażi ta’ dan id-dokument. Dokument li jsaħħaħ il-kuntest soċjolingwistiku Malti li huwa mogħni bi storja twila ta’ bilingwiżmu u b’ambjent li dejjem qed isir aktar multilingwi.
Din il-politika tkompli tibni fuq ‘Il-Politika Lingwistika għas-Snin Bikrin’ u tfasslet apposta biex tagħti direzzjoni ċara kif jistgħu jintużaw il-lingwi fis-snin tal-Primarja (bejn 7 u 11-il sena). Il-politika tippromwovi t-tagħlim tal- Malti u l-Ingliż f’kuntest multilingwi rikk. Fiha hemm rakkomandazzjonijiet kif it-tfal, ġenituri, kustodji, amministraturi tal-iskejjel u edukaturi tal-għalliema jkunu protagonisti fit-tħaddim tal-bilingwiżmu.

Il-politika tfasslet fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ministerjali tal-Politika Lingwistika fl-Edukazzjoni, wara li saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa u ħadmu fuqha Charles L. Mifsud, Lara Ann Vella u David Muscat.

Waqt it-tnedija l-Professur Charles L. Mifsud, Chairperson tal-Kumitat tal-Politika Lingwistika fl-Edukazzjoni, saħaq dwar il-bżonn li fis-snin tal-Primarja jkun hemm tħaddim xieraq tal-lingwi biex il-komunikazzjoni interkulturali u internazzjonali tkun effettiva. Huwa qal li l-lingwa hija l-aktar għodda qawwija biex jinxtered il- paċi u nifhmu iktar lil xulxin f’soċjetà li kulma jmur qiegħda dejjem issir aktar multilingwi.

Ekonomija

Sport