Sunday, December 22, 2024

Imniedi l-ewwel bank Ewropew f’Malta

Aqra wkoll

F’konferenza stampa dwar it-tnedija ta’ din l-inizjattiva, li nġiebet f’Malta  minn JEF Malta bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-President ta’ JEF Malta Nicole Spiteri spjegat li “il-bank Ewropew fl-Università ta’ Malta se jservi bħala simbolu qawwi tal-importanza li jinħolqu spazji li jrawmu d-djalogu, il-fehim u l-kollaborazzjoni fost individwi minn pajjiżi Ewropej differenti u xejn inqas f’Malta. Bħala parti minn inizjattiva usa’ biex tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea, dan l-impenn fiżiku biex in-nies jinġiebu flimkien jenfasizza l-valur tad-diversità u l-benefiċċji li jiġu minn ħidma flimkien lejn għanijiet komuni. Għalhekk nistennew bil-ħerqa li din l-inizjattiva tkompli tespandi fuq livell nazzjonali”.

Għall-Membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba “l-inizjattiva ta’ Bank Ewropew tinkludi l-valuri li jagħmluna verament Ewropej. Inizjattiva li ħadet il-JEF biex tiġġieled kontra l-estremiżmu tal-lemin billi tippromwovi l-valuri tas-solidarjetà, id-demokrazija u l-ugwaljanza — valuri li huma minquxa fit-Trattati tal-UE u li qed jiġu promossi b’mod artistiku permezz ta’ dawn il-bankijiet. Nisperaw li naraw aktar bankijiet bħal dan madwar Malta u Għawdex kollha”.

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Mario Sammut enfasizza li “il-bank sa joffri testimonjanza viżwali tal-preżenza tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja tagħna u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew isostni b’entużjażmu inizjattivi bħal dawn”.

It-tnedija tal-European Bench tal-lum ikkonkludiet ġimgħa ta’ attivitajiet u inizjattivi f’Malta u l-bqija tal-Unjoni Ewropea b’ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa, fejn in-nies urew ukoll il-bandiera Ewropea u kellhom ritratti tagħhom infushom bil-bandiera fuq il-midja soċjali.

Ekonomija

Sport