Friday, May 17, 2024

Reġsitrati kważi 10 mm xita aktar min-norma x-xahar li għadda

Aqra wkoll

Wara bidu xott għar-rebbiegħa meteoroloġika, it-tieni xahar tal-istaġun ġab fuq il-gżejjer Maltin 28.6 mm xita. Dan ifisser 9.9 mm xita aktar min-norma għax-xahar ta’ April.

Skont ir-rapport tat-temp maħruġ mill-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta, l-ewwel jiem ta’ April ma ġabux magħhom temp li normalment huwa assoċjat mar-rebbiegħa hekk kif sistema ta’ pressjoni baxxa kkawżat instabbilità li kkaratterizzat il-ġranet ta’ qabel l-Għid. Hekk kif niżlu 11.6 mm xita, it-tieni ġurnata ta’ April kienet l-aktar waħda mxarrba u anke waħda milll-iżjed mudlama minħabba li dakinhar tkejlu biss ftit aktar minn sagħtejn xemxin. L-unika maltempata bir-ragħad tax-xahar laqtet lill-gżejjer fil-ħames jum ta’ April.

Fit-tielet ġurnata, mill-Majjistral Kwarta Punent, waslet l-aktar buffura ta’ riħ b’saħħitha tax-xahar li laħqet l-40 knot u dan hekk kif l-Uffiċċju Meteoroloġiku kien ħareġ twissijiet għal dawk iż-żoni fejn ir-riħ jaħkem l-aktar. April kien ukoll aktar mirjieħ min-norma klimatika. Fil-fatt, matul dan ix-xahar, il-medja tal-qawwa tar-riħ laħqet l-10.1 knots meta n-norma klimatika hija ta’ 9.5 knots.

L-inqas temperatura f’April niżlet għal 8.6°C u kienet imkejla fis-seba’ jum tax-xahar, filwaqt li l-ogħla temperatura laħqet l-24.6°C fit-tieni nofs tax-xahar. It-temperatura medja kienet ta’ 16.0°C li jfisser li April kien aktar kiesaħ mis-soltu minħabba li n-norma klimatika għal dan ix-xahar hija ta’ 16.4°C. Mill-banda l-oħra, it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar, kienet 0.4°C ogħla min-norma klimatika ta’ 16.3°C.

Minkejja li t-temp xitwi kaxkar aktar mis-soltu, April kien xemxi iżjed min-norma hekk kif is-sigħat xemxin imkejla ammontaw għal 270.1.

Sport