Tuesday, April 30, 2024

Raġel jammetti li hedded uffiċjal tal-LESA b’arma finta 

… fuq tilwim dwar il-borża taż-żibel

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin se tingħata sentenza ta’ raġel minn Raħal Ġdid wara li tressaq il-Qorti fejn ammetta li hedded uffiċjal tal-LESA b’arma tan-nar finta minħabba kwistjoni relatata ma’ multa. 

George Annati ta’ 65 sena tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, fejn intqal li Annati rreaġixxa b’mod vjolenti wara li nħarġitlu multa minn żewġ uffiċjali tal-LESA. 

L-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri akkużaw lir-raġel li ġarr arma tan-nar waqt li wettaq reat kontra impjegati pubbliċi li kienu qegħdin jaqdu dmirijiethom, li insulta u hedded liż-żewġ uffiċjali tal-LESA  u li rreżista b’mod vjolenti.            

Fil-Qorti ntqal li r-raġel beda jgħid lill-uffiċjali tal-LESA li jekk il-borża ma kinitx ħa tinġabar kien se jiftaħa u jferrixa fit-triq. Filwaqt li l-uffiċjali ħarġu l-multa lir-raġel, Annati rritorna fil-garaxx tiegħu fejn qabad pistola u poġġiha ma’ ras wieħed mill-uffiċjali tal-LESA. Fil-Qorti ntqal ukoll li iktar tard l-arma nstabet li kienet imitazzjoni ta’ pistola.

Il-każ ġie differit għas-sentenza, fejn Annati ngħata l-libertá proviżorja, fil-perjodu nterim kontra garanzija personali ta’ €10,000.  Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjal li hedded.

Sport