Sunday, December 22, 2024

Imniedi l-Fond ta’ Koeżjoni b’allokazzjoni ta’ €194 miljun f’fondi Ewropej

Aqra wkoll

Tnieda l-Fond ta’ Koeżjoni b’allokazzjoni ta’ €194 miljun f’fondi Ewropej bil-għan li jitwettaq investiment fl- ambjent, inklużi l-oqsma relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

L-investiment mill-Fond ta’ Koeżjoni se jkun immirat lejn il-promozzjoni ta’ mobbilità urbana aktar sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr karbonju. Se jitwettaq investiment infrastrutturali fin-network tat-toroq u l-portijiet tagħna magħrufa bħala TEN-T, fit-tranżizzjoni għall-ekonomija aktar ċirkulari u investiment fl-aċċess u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma.

Dr Bonett ħabbar li minn dawn il-fondi se jiġu investiti €7 miljun bil-għan li jitkompla l-investiment ta’ charging points għall-vetturi elettriċi u infrastruttura relatata madwar Malta u Għawdex. Dan l-investiment se jkun konformi ma’ pjan komprensiv relatat mat-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport.

Dan l-investiment huwa konformi mal-Inizjattiva tal-Karozzi Ekoloġiċi, bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li jfittex li jtejjeb l-iżvilupp ta’ forom ġodda u sostenibbli ta’ trasport fit-triq bl-introduzzjoni ta’ fjuwils alternattivi, fosthom ukoll l-użu ta’ vetturi li jniġġsu anqas.

Għaldaqstant se tinħareġ sejħa ristretta għall-applikazzjonijiet għall-ministeri rilevanti li huma responsabbli għas- setturi tat-trasport u l-enerġija biex jimplimentaw l-interventi rispettivi proposti. L-Awtorità Maniġerjali għandha tistieden lill-awtoritajiet responsabbli biex jissottomettu applikazzjoni li se tiġi vvalutata wkoll mill-Kumitat tal- Għażla tal-Proġett biex jiġu żgurati proposti ta’ kwalità tajba skont il-kriterji kif approvati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ għall-għażla tal-operazzjonijiet.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-Fond ta’ Koeżjoni huwa strumentali għal pajjiżna biex ikompli jwettaq investimenti aktar sostenibbli. “Għal dan il-gvern, is-sostenibbiltà mhux biss aktar spazji miftuħa u ħodor, imma tindirizza wkoll ir-riċiklaġġ u l-immaniġġjar tal-iskart, enerġija aktar nadifa u trasport aktar nadif – kollha aspetti li se nkunu qegħdin nindirizzaw f’dan il-programm operattiv biex Malta tkun aktar sostenibbli u nwettqu aktar proġetti bil-fondi Ewropej li jagħmlu differenza f’pajjiżna,” temm jgħid Dr Bonett.

Ekonomija

Sport