Saturday, November 16, 2024

Imniedi l-ktieb “L-istorja ta’ Molly” immirat biex jżid l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti

Aqra wkoll

Ġie imniedi l-ktieb bilingwali “L-istorja ta’ Molly”, inizjattiva tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, li se jitqassam fl-iskejjel primarji kollha u huwa mmirat sabiex jqajjem għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti.

It-tnedija tal-ktieb saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Il-ktieb huwa immirat għall-istudenti fi skejjel primarji bil-għan li jżid l-għarfien u jqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-adozzjoni tal-annimali, u x-xogħol li jsir mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali biex jipproteġi l-annimali.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa ktieb ieħor li qed jitqassam fl-iskejjel, li apparti li jkompli jrawwem lit-tfal fl-importanza tal-qari, huwa marbut ma’ suġġett importanti, dak tal-ħarsien tal-annimali. “Il-qari huwa importanti u huwa bażi għal edukazzjoni sħiħa, għalhekk il-litteriżmu qiegħed jingħata importanza fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida li bħalissa tinsab fl-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni qabel tkun implimentata,” spjega l-Ministru Clifton Grima.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li dan il-ktieb se jsib postu wkoll f’diversi libreriji madwar Malta u Għawdex. Sostniet li s-settur tal-ħarsien tal-annimali huwa wieħed marbut ħafna mal-edukazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku. Hija qalet li bl-għajnuna wkoll tal-pubbliku tkompli tiġi mwettqa l-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur.

“L-edukazzjoni hija wkoll iċ-ċavetta tal-progress soċjali u permezz ta’ dawn il-kotba se jgħinuna nixtarru iktar fuq l-annimali tagħna u ta’ madwarna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Ekonomija

Sport