Sunday, December 22, 2024

Imniedi l-Pjan Nazzjonali għall-Ikel Organiku għal konsultazzjoni pubblika

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, tnieda l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Ikel Organiku għal konsultazzjoni pubblika. Dan il-pjan ġie varat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Ġie spjegat li permezz ta’ dan il-pjan se tiġi assigurata s-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna kif ukoll se tiġi implimentata miżura oħra tal-Budget 2023. Dan il-pjan jiffoka fuq tliet pilastri li l-għan tagħhom hu li joffru ikel organiku lokali ta’ kwalità lill-konsumatur, kemm minn aspett ta’ agrikoltura, akwakultura, kif ukoll joffri dħul sostenibbli għall-produtturi Maltin u Għawdxin. Il-mira ewlenija hija li pajjiżna jkollu 5% tal-art agrikola utilizzata għall-biedja organika sas-sena 2030.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo qal li permezz ta’ dan il-pjan, il-gvern qed jattwa l-kunċett tas-sostenibbiltà, kemm fuq livell ambjentali kif ukoll fuq wieħed ekonomiku. “L-iskop primarju tagħna jibqa’ li l-produttur ikun megħjun biex jagħmel din il-bidla.

Għaldaqstant, irridu nagħtuh l-għajnuna finanzjarja xierqa, l-aċċess għall-art u għas-swieq u t-taħriġ u l-informazzjoni kollha li għandu bżonn. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li nkomplu nsaħħu l-istrutturi tagħna, inklużi l-awtoritajiet kompetenti u dawk li joffru servizzi relatati ma’ dan is-settur, sabiex ikunu armati bir-riżorsi meħtieġa,” żied jgħid il-Ministru Refalo.

Is-Segretarju Parlamanetari Alicia Bugeja Said qalet li dan il-pjan huwa żvilupp kruċjali għal diversi setturi, li qed iniedu tragwardi importanti għall-produzzjoni tal-ikel lokali, bil-għan li jsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Żiedet tgħid li l-irwol tal-ikel organiku mhuwiex biss limitat fuq l-art, u enfasizzat l-importanza tad-direzzjoni li ser jieħdu fis-settur tal-akwakultura, li huwa settur bi produzzjoni totali li tilħaq il-€225 miljun u huwa wieħed ibbażat fuq speċi magħrufa bħat-tonn, u t-tkabbir tal-awrat u tal-ispnott.

Ekonomija

Sport