Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat nieda l-proġett ACTIVATE, inizjattiva kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ERASMUS+ b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rappreżentanza fost iż-żgħażagħ bl-awtiżmu billi jiġbor flimkien numru ta’ organizzazzjonijiet ewlenin minn madwar l-Ewropa biex jinħoloq network ta’ skejjel intiżi biex jgħinu liż-żgħażagħ bl-awtiżmu jkollhom il-ħiliet neċessarji u l-għarfien biex jippromwovu d-drittijiet u l-bżonnijiet tagħhom.
It-tnedija ta’ dan il-proġett saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tat-tim li jmexxi d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fi ħdan il-Ministeru, li kienu responsabbli minn dan il-proġett.
Il-proġett huwa frott ta’ sħubija bejn sitt organizzazzjonijiet ewlenin minn madwar l-Ewropa. Id-direttorat Malti jmexxi u jikkordina l-proġett; KU Leuven (il-Belġju) iwettaq riċerka dwar l-aqwa prattiki ta’ tagħlim għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu; IMPACTsci (il-Portugall) ifassal il-kurrikulu u r-riżorsi tat-tagħlim; EUCAP (ir-Repubblika Ċeka) jorganizza workshops għat-taħriġ tal-għalliema tal-akkademja; APVA (il-Portugall) jiffoka fuq il-kontenut online; filwaqt li s-CRPD (Malta) jieħu ħsieb il-viżibilità u l-komunikazzjoni tal-proġett.
L-iskejjel taħt il-proġett ACTIVATE se joffru kurrikulu speċjalizzat li jinkludi spjegazzjoni ta’ x’inhu l-awtiżmu u l-impatt tiegħu, żvilupp tal-ħiliet ta’ komunikazzjoni u soċjali, tagħrif dwar kif individwu jista’ jadvoka għad-drittijiet tiegħu f’diversi oqsma u sitwazzjonijiet differenti u l-bini u l-iżvilupp ta’ stima personali u kunfidenza bħala persuna bl-awtiżmu.
Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif proġetti bħal dawn joffru opportunitajiet għall-komunitajiet differenti biex jikbru flimkien u joħorġu bl-aħjar prattiċi. “Il-proġett ACTIVATE huwa prova ċara ta’ kif Malta, b’kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra, qed timxi b’pass sod lejn soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Permezz ta’ din l-inizjattiva Ewropea, qed nagħtu ċ-ċans lil żgħażagħ fuq l-ispettru tal-awtiżmu biex mhux biss jifhmu aħjar lilhom infushom, iżda biex isiru vuċijiet b’saħħithom li jistgħu jinfluwenzaw il-politika u l-prattiċi ta’ madwarhom, biex huma stess jkunu kittieba ta’ dak li jinfluwenzahom.”
“Din hija kontinwazzjoni tal-impenn tagħna bħala Gvern li nsaħħu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, kif rajna wkoll fil-leġislazzjonijiet u fil-politika li mexxejna f’dawn l-aħħar snin. Qegħdin nibnu fuq suċċessi konkreti, u nkomplu naħdmu biex ħadd ma jibqa’ lura, speċjalment meta nitkellmu fuq żgħażagħ li għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Matul dan ix-xahar, permezz tal-proġett ACTIVATE ġiet organizzata l-Konferenza Nazzjonali tal-Awtiżmu, kif ukoll intemmet il-fażi ta’ riċerka, dan filwaqt li qed jiġu involuti aktar żgħażagħ bl-awtiżmu u trainers fil-qofol tal-proġett. Apparti dan, inħolqot ukoll il-website www.neuroadvocacy.eu.