Imniedi l-Young Researchers’ Grant biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jesploraw ix-xjenza u r-riċerka

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda l-Young Researchers’ Grant 2026, inizjattiva mfassla biex trawwem il-kurżità u tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jwettqu riċerka xjentifika reali minn età żgħira.

Il-fond, li nfetaħ mil-lbieraħ, is-26 ta’ Awwissu 2026, huwa miftuħ għaċ-ċittadini Maltin u għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza f’Malta, li għandhom bejn 13 u 21 sena. Il-fond għandu żewġ kategoriji ta’ etajiet: Esploraturi Nebbieta (13–17) u Esploraturi Blanzuni (18–21), li t-tnejn li huma jirċievu l-istess livell ta’ appoġġ. L-applikanti jistgħu japplikaw individwalment jew f’timijiet ta’ mhux aktar minn tliet persuni.

Esplora mistenni li jappoġġja bejn 15 u 18-il proġett fl-ewwel edizzjoni. Kull Esploratur se jingħaqad ma’ riċerkatur jew mentor, issuġġerit mill-applikanti nfushom jew identifikat bl-għajnuna ta’ Esplora.

Kull proġett jista’ jirċievi sa €700 għall-ispejjeż tar-riċerka, inklużi materjal, tagħmir, software u vjaġġar għall-fieldwork. Il-mentors jistgħu jirċievu sa €1,000 separatament, b’rikonoxximent għall-gwida tagħhom. Il-programm jinkludi wkoll programm ta’ taħriġ prattiku li jkopri l-ħiliet ta’ riċerka trażversali.

Il-proġetti jistgħu jesploraw firxa wiesgħa ta’ oqsma xjentifiċi, inklużi l-baħar, is-sema, it-teknoloġija, is-saħħa u l-ambjent, u se jdumu għaddejjin għal 12-il xahar, u b’hekk jagħtu lill-parteċipanti l-ħin u l-għajnuna biex jinvestigaw il-mistoqsijiet ta’ riċerka li jagħżlu.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima spjega li dan il-fond jirrifletti l-investiment dirett tal-gvern fil-bini tal-kapaċità ta’ riċerka ta’ Malta mill-bidu nett, mhux biss fil-livell universitarju u fl-industrija. “Għandna ninkoraġixxu lil żgħażagħ biex jistaqsu u jinvestigaw b’mod miftuħ id-dinja ta’ madwarhom u dan il-fond se jgħinhom propju jagħmlu dan. Il-futur ta’ Malta fir-riċerka u l-innovazzjoni ma jistax jinbena biss fil-livell universitarju jew tal-industrija, imma jrid jibda billi jqanqal il-kurżità fl-adolexxenti u ż-żgħażagħ, billi jagħtihom esperjenza reali u prattika ta’ x’tinvolvi r-riċerka,” qal il-Ministru Grima.

Is-Senior Director ta’ Esplora Mary-Ann Cauchi qalet: “Bil-Young Researchers’ Grant 2026, qed nagħtu liż-żgħażagħ mhux biss l-opportunità li jitgħallmu dwar ir-riċerka, iżda l-opportunità li jsiru riċerkaturi huma stess, li jistaqsu mistoqsijiet, jittestjaw ideat, jiġbru evidenza u jaqsmu dak li jiskopru. Dan huwa pass konkret fl-evoluzzjoni ta’ Esplora biex isir il-pjattaforma nazzjonali ta’ Malta għall-involviment ta’ STEAM, filwaqt li jwieġeb direttament għall-ħtieġa li jinżamm l-interess taż-żgħażagħ fix-xjenza. Billi ngħaqqdu kull riċerkatur żagħżugħ ma’ mentor mill-komunità tar-riċerka u dik professjonali ta’ Malta, qed nibnu wkoll pontijiet aktar b’saħħithom bejn iż-żgħażagħ u l-ekosistema usa’ ta’ STEAM. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa investiment fi mħuħ żgħażagħ kurjużi u attentat biex jingħataw il-ħiliet, il-kunfidenza u l-opportunitajiet biex jgħinu fit-tiswir tal-futur ta’ Malta.”

Matul it-tnedija, Dr Sarah Schembri, Eżekuttiv (Riċerka u Finanzjament) f’Esplora, mexxiet sensiela ta’ interventi qosra li fihom ħadu sehem l-istudenti Nathan Camilleri u Michaela Borg Cardona, li qasmu l-perspettivi tagħhom dwar xi tfisser għalihom ir-riċerka u t-tipi ta’ proġetti li ż-żgħażagħ setgħu jwettqu permezz tal-fond. Dr Inġ. Kevin Theuma, lettur tal-MCAST, ukoll ikkontribwixxa għad-diskussjoni, fejn enfasizza l-benefiċċji tat-tagħlim b’esperjenza prattika flimkien mal-istruzzjoni tradizzjonali.

Sessjoni ta’ informazzjoni online se ssir fit-2 ta’ Settembru fil-17:00, segwita mill-iskadenza tal-applikazzjoni fil-21 ta’ Ottubru. Ir-riżultati jitħabbru fil-21 ta’ Novembru 2026.

L-applikanti prospettivi huma mħeġġa jattendu s-sessjoni ta’ informazzjoni biex jitgħallmu aktar u jistaqsu mistoqsijiet. Il-linji gwida kompluti u l-formola tal-applikazzjoni online se jkunu disponibbli fuq il-website ta’ Esplora. Il-mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu lil [email protected].

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport