Feġġet tama ġdida għall-persuni morda b’kanċer tal-frixa avvanzat wara li ġiet żviluppata pillola li kważi tirdoppja ż-żmien ta’ għajxien ġenerali tal-pazjenti b’din il-marda qerrieda. L-Aġenzija tal-Ikel u l-Mediċini tal-Istati Uniti (FDA) approvat dan it-trattament għal din il-marda kiefra wara provi kliniċi bla preċedent.
Il-mediċina daraxonrasib – li tinbiegħ bl-isem kummerċjali Rasonque u hija manifatturata minn Revolution Medicines – tidher li tirrappreżenta avvanz sinifikanti fit-trattament ta’ wieħed mill-aktar tipi ta’ kanċer qerrieda fid-dinja.
Fi prova klinika fi stadju avvanzat li involviet 500 pazjent, instab li dawk li ħadu l-pillola daraxonrasib kuljum kellhom żmien medju ta’ ħajja ta’ ftit aktar minn 13-il xahar, meta mqabbel ma sitt xhur u nofs għal dawk li ngħataw il-kimoterapija.
L-FDA stqarret li l-mediċina toffri għażla ġdida u kruċjali għal pazjenti li qed jiffaċċjaw kanċer tal-frixa – kanċer diffiċli immens u li storikament kien diffiċli ħafna biex jiġi kkurat.
Il-mediċina daraxonrasib tgħin biex jitnaqqas it-tixrid tal-kanċer billi torbot mal-ġene KRAS u tinnewtralizzah. Dan il-ġene jinstab f’aktar minn 90% tat-tumuri tal-frixa u jixpruna u jħaffef it-tkabbir tal-kanċer.
L-American Cancer Society, tistma li kull sena fl-Istati Uniti jiġu djanjostikati madwar 67,000 persuna bil-kanċer tal-frixa, li għandu l-ogħla rata ta’ mwiet fost it-tipi tal-kanċers ewlenin kollha.
Sfortunatament, il-kanċer tal-frixa spiss jiġi skopert meta jkun wasal fi stadju avvanzat u huwa magħruf sew għad-diffikultà kbira fit-trattament tiegħu. Aktar minn nofs il-persuni affettwati minn dan il-kanċer imutu fi żmien tliet xhur mid-dijanjosi.
Fl-2025, l-FDA iddikjarat il-mediċina daraxonrasib bħala “Breakthrough Therapy” (terapija rivoluzzjonarja), li tingħata lil trattamenti għal kundizzjonijiet serji li jeħtieġu proċess ta’ evalwazzjoni mgħaġġla.
Skont ma qal Angelo de Claro, id-direttur taċ-Ċntru ta’ Eċċellenza fl-Onkoloġija tal-aġenzija, l-FDA approvat din il-mediċina sitt xhur qabel l-iskadenza regolatorja għaliex din wriet riżultati bla preċedent f’qasam fejn għad hemm ħtieġa kbira li għad mhux sodisfatta.
L-aktar effetti sekondarji komuni tat-trattament kienu raxx, dijarea, dardir, għeja u rimettar. Madwar 44% tal-pazjenti li ħadu d-daraxonrasib esperjenzaw effetti sekondarji (side-effects) severi, meta mqabbla ma’ 57.5% ta’ dawk li ngħataw il-kimoterapija waqt il-prova klinika.
L-eks Senatur Amerikan Ben Sasse, li f’Diċembru ħabbar li kien ġie djanjostikat b’kanċer tal-frixa fi stadju avvanzat (Stadju 4), qed jieħu sehem fi prova klinika għal din il-mediċina u qal li din għenitu jnaqqas id-daqs tat-tumuri tiegħu.
