Wednesday, October 7, 2026
Home Sport Il-Kummissjoni Medika tal-Kumitat Olimpiku Malti torganizza seminar dwar is-supplimenti sportivi u s-saħħa...

Il-Kummissjoni Medika tal-Kumitat Olimpiku Malti torganizza seminar dwar is-supplimenti sportivi u s-saħħa tal-atleti

0
46

Il-Kummissjoni Medika tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) organizzat seminar ta’ ġurnata dwar in-nutrizzjoni sportiva u l-użu tas-supplimenti nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru fis-Salini Resort, San Pawl il-Baħar. Is-seminar kien appoġġjat minn Olympic Solidarity.

Is-seminar ġie organizzat b’reazzjoni għall-użu mifrux tas-supplimenti fost atleti ta’ kull livell. Ħafna prodotti jintużaw mingħajr evidenza ċara dwar il-benefiċċji tagħhom, filwaqt li xi wħud iġorru magħhom riskji reali, fosthom kontaminazzjoni b’sustanzi pprojbiti, tikkettar mhux korrett u interazzjonijiet ma’ mediċini. Skont il-prinċipju tar-responsabbiltà stretta, l-atleti huma responsabbli għal kwalunkwe sustanza pprojbita li tinstab fis-sistema tagħhom, irrispettivament mis-sors tagħha. Is-seminar kellu l-għan li jipprovdi lill-atleti, lill-kowċis u lill-istaff ta’ appoġġ bl-għarfien prattiku meħtieġ biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u siguri.

Wara l-messaġġi ta’ merħba mis-Sur Julian Pace Bonello, President tal-KOM, u minn Dr Lucienne Attard, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-KOM u Chairperson tal-Kummissjoni Medika tal-KOM, il-programm kompla bi tliet sessjonijiet. L-ewwel waħda kopriet il-prinċipji bażiċi tan-nutrizzjoni sportiva, l-approċċ ta’ “food first” fir-rigward tas-supplimenti, kif ukoll supplimenti li għandhom benefiċċji ppruvati. It-tieni sessjoni ffukat fuq l-evidenza u l-miti marbuta mal-kreatina, inkluż ir-rwol tagħha fis-saħħa tal-moħħ. It-tielet sessjoni indirizzat ir-riskji marbuta mal-użu tas-supplimenti u inkludiet parti prattika fejn l-atleti setgħu jiċċekkjaw is-supplimenti tagħhom stess. Il-ġurnata ntemmet b’diskussjoni f’panel u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Is-seminar tmexxa minn Dr Attard flimkien mal-Prof. Ron Maughan, espert rikonoxxut internazzjonalment fil-qasam tan-nutrizzjoni sportiva u Professur Onorarju fl-Iskola tal-Mediċina tal-Università ta’ St Andrews, li jmexxi wkoll programmi edukattivi f’isem il-Kummissjoni Medika u Xjentifika tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Magħhom ingħaqdet Fleur Bugeja, nutrizzjonista reġistrata mal-Istat b’aktar minn ħmistax-il sena esperjenza. Hija taħdem mal-Ministeru għas-Saħħa, tat lectures fl-Università ta’ Malta, u bħalissa qed issegwi Diploma fin-Nutrizzjoni Sportiva mal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

Dr Attard qalet: “L-atleti jinsabu taħt pressjoni kontinwa biex isibu dak il-vantaġġ żejjed, u s-supplimenti ħafna drabi jitqiesu bħala soluzzjoni faċli. Ir-realtà hi li dieta ppjanata tajjeb tagħmel il-parti l-kbira tax-xogħol, u kull suppliment iġib miegħu responsabbiltà. Permezz ta’ dan is-seminar, appoġġjat minn Olympic Solidarity, ridna li l-atleti u t-timijiet ta’ appoġġ tagħhom jifhmu x’jaħdem, x’ma jaħdimx, u kif jistgħu jipproteġu kemm saħħithom kif ukoll il-karriera tagħhom.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here