Saturday, December 21, 2024

Imniedi premju għall-inkoraġġiment ta’ ideat ġodda u r-rikonoxximent ta’ propjetà intelletwali b’fond ta’ €50,000

Aqra wkoll

Bħala parti mill-jum dinji iddedikat għall-proprjetà intelletwali ċċelebrata fis-26 ta’ April fost l-istati membri, l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozi Żgħar nieda l-‘Premju għall-inkoraġġiment ta’ ideat ġodda u r-rikonoxximent ta’ Propjetà Intelletwali’ b’fond ta’ €50,000 fi premjijiet.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri qal li minkejja l-pandemija ta’ COVID-19, il-Gvern irid li jkompli jgħin individwi u organizzazzjonijiet sabiex iressqu ideat innovattivi, kreattivi u teknoloġiċi li jistgħu jikkontribwixxu iżjed u jgħinu lill-ekonomija u s-soċjetà.

“Meta wieħed iħares lejn l-istorja jara li l-aktar ideat revoluzzjonarji kienu żviluppati fi żminijiet ta’ sfida kbira, simili bal dawn li qed ngħixu issa fiż-żmien il-pandemija tal-COVID-19. Din hija opportunità tajba sabiex ninkoraġġixxu ħsibijiet innovattivi u proġetti żviluppati minn individwi u intrapriżi. Ninkoraġġixxi lil kulħadd sabiex jersaq ‘il quddiem u juża din l-opportunità ta’ premjijiet bħala inċentiv sabiex jiżviluppa ideat ġodda għall-ġid komuni. Nixteq nirringrazzja lid-Dipartment tal-Kummerċ li qed imexxi dawn l-inizjattivi”, qal Silvio Schembri.

Bi ‘proprjetà intelletwali’ qed nirreferu  għal prodotti u xogħlijiet madwarna  li huma frott ta’moħħ il-bniedem. Id-drittjiet mogħtija mill-istat fir-rigward tal-proprjeta intelletwali,  bħal drittijiet tal-awtur, privattivi, trademarks u disinni reġistrati jipprovdu lin-negozji, artisti u inventuri b’mezzi sabiex jipproteġu l-prodotti u l-kreazzjonijiet tagħhom, kif ukoll jiġu mħeġġa sabiex jinvestu fl-innovazzjoni u l-kreattività bħala benefiċċju għas-soċjetà.

Il-‘Premju Proprjetà Intelletwali Malta’, immexxi mid-Dipartiment tal-Kummerċ,  huwa mmirat biex jirrikonoxxi  u jippromwovi l-ħolqien tal-propjetà intellettwali f’Malta. Il-premju huwa mqassam f’erba’ kategoriji.

  1. Premju għal Inizjattiva Kreattiva

Il-‘Premju għal Inizjattiva Kreattiva’ jippremja individwi jew negozji li joperaw fis-setturi kulturali kif ukoll dawk kreattivi. Għall-iskopijiet tal-‘Premju Proprjeta’ Intelletwali Malta’, sottomissjonijiet taħt din il-kategorija għandhom jkunu jirrigwardaw xogħlijiet artistiċi, awdjo-viżivi, jew taħlita tat-tnejn.

  1. Premju għal Inizjattiva Xjentifika

Il-‘Premju għal Inizjattiva Xjentifika’ jirrikonoxxi riċerki xjentifiċi ġġenerati minn studenti tax-xjenza, akkademiċi u professjonisti. L-inzijattiva preżentata tista’ tkun prodott ġdid, titjib sinifikanti ta’ prodott eżistenti, użu ġdid ta’ prodott eżistenti, jew proċess ġdid.

3. Premju għal Inizjattiva Teknoloġika

Il-‘Premju għal Inizjattiva Teknologika’ jeħtieg l-iżvilupp ta’ teknolgija ġdida u  innovattiva, jew titjib fil-proċess, fir-rigward ta’ soluzzjonijiet relatati ma’ sfidi għad-dija tal-kummerċ jew għas-soċjetà in generali. Ir-riżultat attwali għandu jkun proċess teknoloġiku   innovattiv jew soluzzjoni eżistenti li tkun mtejba b’mod radikali għal applikazzjoni f’sitwazzjonijiet ġodda.

4. Premju għal Inizjattiva ta’ Innovazzjoni Emerġenti

Dan il-premju huwa mqassam f’żewg sub-kategoriji:

  1. Etajiet bejn is-sittax u tletin sena; u,
  2. Etajiet bejn il-wieħed u tletin sena ‘il quddiem

Il-‘Premju għal Inizjattiva ta’ Innovazzjoni Emerġenti’ jirrikonoxxi l-inizjattiva  mmirata sabiex jiġu mħeġġa proġetti, li għalkemm mhumiex magħmula minn persuni kreattivi, xjentisti, jew professjonisti ta’ esperjenza, xorta waħda huma proġetti promettenti u innovattivi. Proġetti eliġibbli għandhom ikunu xogħol ta’  individwi jew entitajiet li huma ġodda f’dan il-qasam partikolari, jew entità li ilha topera f’dan il-qasam inqas minn ħames snin. Proġetti sottomessi taħt din il-kategorija, għandhom jaqgħu taħt waħda mitt-tliet kategoriji ta’ inizjattiva kreattiva, xjentifika, u dik teknoloġika.

Proġetti għandhom ikunu tanġibbli, konkreti u żviluppati tajjeb, u jikkonsistu fiprodotti jew proċessi attwali jew promettenti. Kull tip ta’ kunċett li huwa essenzjalment ibbażat fuq ideat u intenzjonijiet astratti, mhux ikkunsidrat li jaqgħu taħt l-iskop ta’ dawn il-premji.

Ir-rebbieħa fl-ewwel u it-tieni post f’kategoriji 1, 2 u 3, jingħataw €8,000 u €4,000 rispettivament, għal kull kategorija.

Ir-rebbieħa ta’ kategoriji 4(a) u 4(b) jirċievu €4,000.

Mal-linja tat-tema tal-Jum Dinji tal-Proprjetà Intelletwali, parteċipanti li huma kapaċi juru, għas-sodisfazzjon tal-kumitat tal-ġurija, mod kif il-proġett tagħhom jippromwovi il-preservazzjoni tal-ambjent u sforz biex jikkumbatti it-tibdil fil-klima, huma eliġibbli għal premju addizzjonali kif msemmi hawn taħt:

  • Applikanti li jiklassifikaw l-ewwel, f’kategorija 1, kategorija 2 u kateogrija 3 jirċievu €1,000 addizzjonali, kull wieħed.
  • Applikanti li jiklassifikaw t-tieni, f’kategorija 1, kategorija 2 u kateogrija 3 u r-rebbieħa tal-kategoriji 4a u 4b, jirċievu €600 addizjonali, kull wieħed.

Linji gwida relatati ma dawn il-premjijet jinsabu fuq www.commerce.gov.mt.

Applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ l-imejl fuq [email protected], mil-Ħadd 11 ta’ Mejju, sal-Ħadd 7 ta’ Ġunju.

Sottomissjonijiet għandhom isiru fuq il-formoli relatati li ser ikunu disponibbli minn nhar it-Tnejn, 4 ta’ Mejju.

Ekonomija

Sport