Wednesday, July 24, 2024

Imniedi proġett nazzjonali dwar l-indafa

Aqra wkoll

Ġie mniedi proġett nazzjonali bit-tema “Inżommu Nadif Flimkien” li permezz tiegħu d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni b’kollaborazzjoni ma’ sitt entitajiet pubbliċi oħrajn: Public Works Department, Tourism Zones Regeneration Agency, Infrastructure Malta, Transport Malta, Water Services Corporation u l-Enemalta se jimbarkaw fuq pjan ta’ ħidma li se tindirizza neċessitajiet bażiċi f’żoni residenzjali ta’ pajjiżna.

Dawn jinkludu manutenzjoni ta’ tappieri tal-ilma, bdil ta’ bozoz li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta, tibdil ta’ tabelli tat-toroq, manutenzjoni ta’ pavimentar u għamara tat-toroq, żebgħa tal-linji tat-toroq, żebgħa tal-għamara tat-toroq, knis u qtugħ ta’ ħaxix selvaġġ, tindif ta’ culverts, ħasil tat-toroq, fost oħrajn.

Dan il-proġett nazzjonali se jinvolvi wkoll kampanja edukattiva permezz tal-karattru “Xummiemu” dwar l-importanza tal-indafa pubblika f’pajjiżna.

Il-proġett se jkollu investiment rekord ta’ €5.2 miljun f’apparat teknoloġiku u ambjentali bi ħsieb li jtejjeb bil-kbir l-effiċjenza fix-xogħlijiet li jsiru minn Clean Malta.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu Anthony Gatt, id-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta Ramon Deguara, rappreżentanti ta’ entitajiet pubbliċi u msieħba soċjali.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-proġett nazzjonali dwar l-indafa ser jibgħat messaġġ ċar li ż-żamma tal-indafa pubblika u l-manutenzjoni hija essenzjali. “Huwa inutli li noħolmu li jkollna l-isbaħ lukandi, ħwienet, restoranti, bajjiet jekk ikollna pajjiż li huwa maħkum minn diżubbidjenza ta’ xi wħud. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jeduka. Filwaqt li l-edukazzjoni dwar dan is-suġġett ser tintensifika fix-xhur li ġejjin, daqstant ieħor ser naraw li jsir l-infurzar neċessarju għal min jiddeċiedi li jabbuża,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Ekonomija

Sport