Ġie imniedi uffiċjalment it-tieni edizzjoni tal-ktieb tar-riċetti “Fil-Ġnien man-Nanna”, pubblikazzjoni li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-ewwel edizzjoni u li tiċċelebra l-kollaborazzjoni bejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, GLOBE Malta, Nature Trust-FEE Malta u l-Kumitat tal-EkoSkola tal-Iskola Medja Agius de Soldanis fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex.

Din il-kollezzjoni ġdida ta’ riċetti, iffukata fuq l-istaġuni tar-rebbiegħa u s-sajf, tirrifletti d-dedikazzjoni kontinwa tal-istudenti, l-edukaturi, il-ġenituri, il-membri tal-komunità u l-istaff tal-isptar li, flimkien, qed jaħdmu biex jippromwovu stil ta’ ħajja aktar sostenibbli, b’saħħtu u li jirrispetta l-ambjent.
Ir-riċetti li jidhru fil-ktieb huma ispirati mill-prodotti mkabbrin fis-Sow, Grow, Unite Community Garden, ġnien komunitarju li jinsab quddiem ir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-prodott frisk maħsud matul ir-rebbiegħa u s-sajf serva ta’ bażi għal għadd ta’riċetti ħfief, friski u nutrittivi li huma faċli biex jitħejjew u li joffru taħlita sabiħa ta’ kulur, togħma u valur nutrizzjonali.

Aspett ieħor li jagħmel din il-pubblikazzjoni unika huwa l-ġabra ta’ ritratti li jakkumpanjaw ir-riċetti. Dawn ir-ritratti juru prodotti mkabbrin fil-ġnien komunitarju u ttieħdu minn Ramona Mercieca, Project Manager tas-Sow, Grow, Unite Community Garden u koordinatriċi tal-programm edukattiv GLOBE. Ir-ritratti mhux biss iżidu l-appell viżiv tal-ktieb, iżda jservu wkoll bħala xhieda tal-ħidma u d-dedikazzjoni li jsostnu dan il-proġett komunitarju.

Il-pubblikazzjoni ta’ din it-tieni edizzjoni ta’ “Fil-Ġnien man-Nanna” kienet, għal darb’oħra, possibbli bis-saħħa tas-sapport u l-finanzjament tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Apprezzament speċjali jmur lejn Ms Carmen Ogilvie-Galea, CEO tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, għas-sapport kontinwu tagħha lejn din l-inizjattiva.
Permezz ta’ “Fil-Ġnien man-Nanna”, il-komunità qed tiġi mħeġġa tapprezza aktar il-valur tal-ikel frisk u staġjonali, tadotta drawwiet aktar sostenibbli u tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet. Din il-pubblikazzjoni tibqa’ xhieda ċara ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-komunità tista’ twassal għal inizjattivi li jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies u fl-ambjent tagħna.
