Friday, December 27, 2024

IMPENN GĦAL SISTEMA EDUKATTIVA TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem oħra, eluf ta’ studenti se jirritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Il-Gvern tul dawn l-aħħar xhur ħadem qatigħ biex l-istudent jibqa’ jgawdi minn sistema edukattiva ta’ kwalità, progressiva u li timxi pari passu ma’ dawk li jtennu l-impenn għal Malta li tgawdi minn riżorsi umani mill-aqwa. 

Għal uħud mill-istudenti, l-ewwel jiem tal-iskola huwa żmien eċitanti ħafna fejn ikunu jistgħu jagħmlu ħbieb ġodda u anke jsiru jafu aħjar lill-għalliema tagħhom. Għal oħrajn iżda jaf ikun bidu bi sfida, b’mod partikolari dawk li jkunu se jibdew l-edukazzjoni tagħhom f’xi istituzzjoni ogħla. 

Nibdew biex insemmu li ħidmet il-Gvern ma ntemmitx hekk kif spiċċat is-sena skolastika li għaddiet, tant li l-investiment baqa’ jitħabbar kontinwament. Insemmu li ftit tal-jiem ilu il-Gvern ħabbar li b’investiment dirett ta’ kważi €27 miljun se jkun qiegħed jintervjeni biex familji li jibagħtu lil uliedhom fl-iskejjel indipendenti ma jintlaqtux minn żidiet kbar fil-miżati ta’ wliedhom.

Nisħqu li l-Gvern attwali qed jagħmel minn kollox biex ikompli jinkoraġġixxi l-istudenti jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt, filwaqtl i jipprovdi kull għajnuna meħtieġa lill-għalliema u lill-professjonisti li jiddedikaw ħinhom għall-istudenti. 

Hawnhekk, ma nistgħux ma nsemmux dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-budget mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, dik li fil-paga ta’ Ottubru l-edukaturi li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali l-ġdid se jaraw l-aġġustamenti miftiehem fis-salarju tagħhom. 

Dawn huma ftit mill-ħafna miżuri li l-Gvern ħa fejn jidħol is-settur tat-tagħlim. Insemmu li dan saħħaħ l-istipendji, kif ukoll il-proviżjon ta’ trasport b’xejn għal kulħadd minn u lejn l-iskejjel. Bla dubju, iż-żieda fl-istipendji se tkun ta’ għajnuna mhux żgħira għall-istudenti fl-edukazzjoni post-sekondarja.

Apparti hekk, għandna għax nifhmu li bil-miżuri li ttieħdu diġà, u dawk li se jkunu introdotti fil-ġejjieni, il-Gvern se jkompli jwitti t-triq għal aktar studenti biex ikomplu jistudjaw u jaħtfu kull oportunità f’karrieri ta’ kwalità.

Dawn l-aħħar snin pajjiżna għadda min bosta riformi li l-għan tagħhom kien li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu. F’dan il-kuntest ukoll, nistennew li r-riforma ppjanata fis-sistema tal-istipendji tkun waħda aġġornata u li tixraq lill-istudenti fiż-żminijiet tal-lum.

Wieħed irid japprezza wkoll l-impenn tal-gvern f’dan il-qasam f’mumenti fejn pajjiżna qed jaffaċċja sfidi kbar ewlenija fosthom l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali għall-ħajja. Nittamaw illi bħalma pajjiżna ħareġ bl-unuri fi sfidi oħra bġħalma kienet il-pandemija, jagħmel ukoll hekk fi sfidi li qed jiffaċċja llum u dawk li għad iridu jiġu fuq pajjiżna. 

Ekonomija

Sport