Monday, May 13, 2024

IMPENN GĦAL TISĦIĦ FIT-TAGĦLIM AKKADEMIKU

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem oħra, eluf ta’ studenti se jirritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Il-Gvern tul dawn l-aħħar xhur ħadem qatigħ biex Malta tibqa’ tgawdi minn sistema edukattiva ta’ kwalità, progressiva u li timxi pari passu ma’ dawk li jtennu l-impenn għal Malta li tgawdi minn riżorsi umani mill-aqwa. Dan kien sajf impenjattiv fejn diversi skejjel sarulhom manutenzjoni u titjib fil-faċilitajiet għat-tagħlim, li minnhom jibbenefikaw l-istudenti tul il-mixja studenteska tagħhom.

Għal uħud mill-istudenti, l-ewwel jiem tal-iskola huwa żmien eċitanti ħafna fejn ikunu jistgħu jagħmlu ħbieb ġodda u anke jsiru jafu aħjar lill-għalliema tagħhom. Għal oħrajn iżda jaf ikun bidu bi sfida, b’mod partikolari dawk li jkunu se jibdew l-edukazzjoni tagħhom f’xi istituzzjoni ogħla. Għalhekk huwa importanti li l-ewwel jiem tal-iskola jkunu l-bidu ta’ sena eċitanti u attraenti fit-tagħlim.

Il-Gvern biex ikompli jinkoraġġixxi l-istudenti jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt, ħa diversi miżuri fosthom li jsaħħaħ l-istipendji kif sar għal dawn l-aħħar snin u kif ukoll il-proviżjoni ta’ trasport b’xejn għal kulħadd minn u lejn l-iskejjel. Bla dubju, iż-żieda fl-istipendji se jkunu ta’ għajnuna mhux żgħira għall-istudenti fl-edukazzjoni post-sekondarja.

Filwaqt li t-trasport b’xejn se jgħin lill-ġenituri billi jtaffilhom l-ispejjeż tat-trasport, fl-istess waqt li huwa ttamat li jonqos it-traffiku mit-toroq u b’hekk ikun qed nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna.

Apparti hekk, għandna għax nifhmu li bil-miżuri li ttieħdu diġà, u dawk li se jkunu introdotti fil-ġejjieni, il-Gvern se jkompli jwitti t-triq għal aktar studenti biex ikomplu jistudjaw u jaħtfu kull oportunità f’karrieri ta’ kwalità.

Dawn l-aħħar snin pajjiżna għadda min bosta riformi li l-għan tagħhom kien li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu. F’dan il-kuntest ukoll, nistennew li r-riforma ppjanata fis-sistema tal-istipendji tkun waħda aġġornata u li tixraq lill-istudenti fiż-żminijiet tal-lum.

Wieħed irid japprezza wkoll l-impenn tal-gvern f’dan il-qasam f’mumenti fejn pajjiżna qed jaffaċċja sfidi kbar ewlenija fosthom l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali għall-ħajja. Nittamaw illi bħalma pajjiżna ħareġ bl-unuri fi sfidi oħra, jagħmel ukoll hekk fi sfidi li qed jiffaċċja llum u dawk li għad iridu jiġu fuqna.

Sport