Tuesday, December 24, 2024

Impenn lejn kwalità ta’ ħajja aħjar

Aqra wkoll

Il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jwettaq dak li hemm miktub fil-manifest elettorali sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tmur għall-aħjar. F’dan il-kuntest, issa ilna naraw jitwettqu u jiżdiedu l-ispazji miftuħa li mhux biss qed isebbħu l-ambjent tal-madwar imma wkoll qed iservu ta’ żvog għall-familji u wliedhom. Dan kollu jirrikjedi investiment fl-infrastruttura li tixraq u li tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi li jġib miegħu l-progress.

Qed nitkellmu minn proġetti ħodor fil-qalba tal-irħula sa oħrajn akbar fl-ambjent urban. Fosthom il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Proġett ta’ ġmiel sinifikanti li qed igawdu minnu l-familji Maltin u Għawdxin kollha f’ambjent mill-aktar rilassanti.

Min-naħa l-oħra, ma nistgħux ma nsemmgħux ukoll proġetti oħra infrastrutturali li qegħdin iħallu jew se jħallu benefiċċju kbir. Illum il-ġurnata kulħadd jista’ jixhed x’effett ħallew proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-junction tal-Marsa, tas-Central Link, l-underpass tal-Imrieħel u dak li sar biswit l-ajruport fost oħrajn. Tajjeb ukoll insemmu l-pjan ambizzjuż ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

B’danakollu l-Gvern ma waqafx hemm. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tħabbar illi l-proġett tal-Imsida Creek se jibda fix-xhur li ġejjin. Tajjeb li ninnutaw kif 60% ta’ dan il-proġett se jkun iddedikat għal spazji pubbliċi, passaġġi għar-roti u mixi kif ukoll kanali li apparti li jsebbħu, se jtaffu l-effetti tal-għargħar li jikkawżaw mix-xita. Għall-ewwel darba wkoll il-kuntrattur magħżul qed jintrabat bl-operat u l-manutenzjoni tal-proġett għal 10 snin.

Apparti dawn il-proġetti f’pajjiżna għad fadal sfidi kbar oħra li tagħhom għad irridu nsibu rkaptu fosthom il-problema tat-traffiku voluminuż fit-toroq Maltin. Ma nistgħux ngħidu li din il-problema mhijiex ta’ wġigħ ta’ ras ukoll għall-awtoritajiet, imma nemmnu li din il-problema hija waħda minn bosta li nħolqu sforz l-affluwenza f’pajjiżna. Biżżejjed insemmu li qed joħorġu għexieren ta’ vetturi ġodda kuljum fit-toroq tagħna u dan għax in-nies, aktar minn qabel, illum għandhom il-flus f’buthom.

Għalhekk nemmnu li l-problema tat-traffiku m’hijiex waħda li tfaqqa’ subgħajk u ssolviha. Tinħtieġ għaqal, ħsieb u ppjanar serju għat-tul sabiex mhux biss intejbu l-infrastruttura imma wkoll naslu li jkollna toroq aktar siguri, anki jekk iċ-ċokon ta’ pajjiżna ma tantx jgħin fis-soluzzjoni tal-problema tat-traffiku.

Ekonomija

Sport