Friday, May 3, 2024

IMPENN LI JĦEĠĠEĠ L-ANZJANI JIBQGĦU ATTIVI

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-popolazzjoni fil-pajjiżi viluppati qed tkompli tixjieħ. Pajjiżna mhux eċċezzjoni. Il-popolazzjoni qed tikber fl-eta fl-istesswaqt li qed naraw nixfa f’dawk li huma twelidijiet. Fil-fatt, pajjiżna huwa fil-qiegħ tal-lista dwar it-twelidijiet fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

B’dan f’moħħna, ix-xjuħija, jew inkella l-anzjanità, hi fenomenu li m’għandux ikun injorat. Qabel xejn nistqarru li l-anzjanità rridu nħarsu lejha minn lenti pożittiva u nirrikonoxxu l-kontribut siewi li dawn il-persuni diġà taw fis-soċjetà li jgħixu fiha. 

Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux l-impenn tal-Gvern u tal-għaqdiet mhux governattivi li qed ikomplu jinkoraġġixxu b’diversi modi biex l-anzjani jibqgħu. Jekk xejn dan ikun tajjeb għal saħħithom u għall-aġilita mentali tagħhom. Dan għaliex nemmnu li l-anzjani, sforz l-esperjenzi tagħhom, għad għadhom ħafna x’joffru lis-soċjetà u lil-lokalita fejn jgħixu. 

Huwa tajjeb ukoll li ninnotaw id-diversi inċentivi li ddaħħlu għal dawk li jilħqu l-età tal-irtirar li jagħżlu li jibqgħu atetivi fis-suq tax-xogħol. B’dan il-mod, ma tintilifx l-esperjenza kbira u siewja li jkunu kisbu matul is-snin u anke għax jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-ħaddiema oħra kif ukoll għall-kumpanija li jaħdmu magħha.

Min-naħa tagħha, il-General Workers’ Union mhux biss tappoġġja imma anki tinkoraġixxi lill-ħaddiema biex jibqgħu jaħdmu anki wara li jilħqu l-età tal-irtirar. Dan tagħmlu għax temmen li dan l-approċċ interġenerazzjonali jġib miegħu l-aħjar prattiċi bejn il-ħaddiema għax l-għarfien akkademiku u l-esperjenzi ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. B’hekk tgawdi wkoll l-ekonomija nazzjonali. 

F’dan il-kuntest, tajjeb li nfakkru kif ftit taż-żmien ilu, il-GWU u l-Kamra tal-Kummerċ ikkollaboraw u kienu waslu sa anki biex iffirmaw ftehim fir-rigward tal-Anzjanità Attiva u l-approċċ interġenerazzjonali. Dan bil-għan li jkun żgurat ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu, sigur u produttiv u l-għarfien u l-esperjenza li ħaddiem ikun akkwista matul is-snin jiġu trasferiti lill-ġenerazzjonijiet li jiġu wara.

Quddiem dan kollu nemmnu li l-anzjanità attiva tibqa’ importanti għalhekk li m’għandniex nikkunsidraw li in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala xi piż fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Pjuttost bil-maqlub. Irridu li jibqgħu jingħataw aktar inċentivi li jħajru aktar anzjani sabiex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol minħabba. 

Il-fatt li d-dinja għaddejja minn bidliet mgħaġġla l-iktar fil-qasam tat-teknoloġija li qed iħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna, nemmnu għalhekk li l-anzjani wkoll għandu jkollhom aċċess għal taħriġ. Għaliex kif qal is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, l-anzjani wkoll għandu jkollhom vuċi akbar f’bosta oqsma inkluża l-midja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport