Il-ħidma tal-Gvern biex kemm jista’ jkun jonqos il-faqar f’pajjiżna qiegħda tħalli r-riżultati mixtieqa. Fil-fatt, l-aħħar rapport tal-EU-SILC, li hija l-istatistika Ewropea dwar id-dħul u l-kwalità tal-ħajja tan-nies wera li r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar fl-2022, ibbażata fuq id-dħul fl-2021, naqset b’0.2 punti perċentwali u niżlet għal 16.7%. Anke r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset bl-istess punti perċentwali għal 20.1%.
Dawn huma kisbiet li ma jaqgħux mis-sema. Warajhom hemm strateġija u kollox irid isir bi pjanar. Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu biex aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol u saħansitra jonqsu dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali.
Minkejja dan kollu, xorta waħda nifhmu li għad fadal xi jsir sabiex ikomplu jonqsu l-persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar u sabiex il-ġid li qed jinħoloq tassew jintlaħaq minn kulħadd. Nemmnu għalhekk li rridu nħarsu lejn ir-realtajiet soċjali ġodda li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li l-Gvern għandu jkompli jieħu l-inizjattivi li hemm bżonn jittieħdu bil-għan li kulħadd jibqa’ miexi b’ħajtu.
Proprju t-Tlieta li għadda kien iċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar, bit-tema magħżula għal din is-sena tkun ibbażata fuq testimonjanzi ta’ persuni li jinsabu f’faqar estrem u li ħafna drabi jaħdmu sigħat twal u f’ċertu ċirkostanzi perikolużi jew mhux regolati, sabiex isostnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom b’mod adegwat.
L-istess tema ssejjaħ għal aċċess universali għal xogħol diċenti u protezzjoni soċjali biex tinżamm id-dinjità umana fost iċ-ċittadini kollha. Fl-istess waqt ikun enfasizzat li xogħol diċenti għandu jagħti aktar saħħa lin-nies, jipprovdi pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u jirrikonoxxi fundamentalment il-valur u l-umanità tal-ħaddiema kollha.
Fil-kuntest lokali, nemmnu li dan għandu jibqa’ għaddej u b’hekk jinqatgħu l-abbużi li jistgħu jsiru fuq il-postijiet tax-xogħol. Wara kollox, ix-xogħol huwa dak li jagħti dinjità lill-persuna u kulħadd għandu dritt li jkollu ħajja dinjituża.
Għalhekk issa li ninsabu fuq l-għatba ta’ budget ieħor, għandhom jitkomplew il-miżuri soċjali biex b’hekk jintlaħqu aktar familji, anzjani u tfal. Nemmnu li dan huwa l-impenn soċjali li l-Gvern imbarka fuqu biex jindirizza r-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni.