Friday, November 22, 2024

Impjant ġdid għat-tqattigħ, l-ispulpjar u l-ipproċessar tal-majjal fil-biċċerija

Tiżdied l-effiċjenza u l-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, il-biċċerija pubblika pproduċiet madwar 4,200 tunnellata ta’ laħam tal-majjal. Bil-għan li jiġu mgħejjuna r-raħħala u l-bdiewa Maltin ġie inawgurat impjant ġdid fiha mgħammar b’makkinarju li bih se tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività u fl-istess ħin jonqsu l-ispejjeż għall-proċessur u l-bejjiegħ tal-laħam. 

Dan l-impjant ta’ 400 kwadru għat-tqattigħ, l-ispulpjar u l-ipproċessar tal-majjal fil-Biċċerija Pubblika, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

L-impjant se jkun operat mill-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali li tiġbor fi ħdanha lir-raħħala kollha li jrabbu l-majjal fil-gżejjer Maltin.

Settur kruċjali għas-sigurtà tal-ikel f’Malta

Il-biċċerija pubblika investiet madwar kwart ta’ miljun Ewro f’impjant tal-ogħla livell, dan filwaqt li min-naħa tagħha l-koperattiva investiet €360,000 f’tagħmir, ċelel ta’ refriġerazzjoni u investiment ieħor taħt proġett parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

“Is-settur tal-majjal, li jgħodd madwar 80% tal-laħam kollu mill-biċċerija, huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel f’Malta u dan l-impjant se jgħin lil dan is-settur ikun iktar sostenibbli,” qal il-Ministru Refalo. Dan huwa proġett ieħor li qiegħed jikkontribwixxi għat-twettiq tal-miżura elettorali favur iktar investiment fil-biċċerija intiż biex iżid l-effiċjenza u jtejjeb il-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, min-naħa tiegħu qal li dan il-proġett qiegħed jiffoka fuq iż-żieda fil-valur ta’ prodott lokali, l-applikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ produzzjoni, titjib tal-kwalità u l-preżentazzjoni tal-prodott.

Impenn parallel mal-istrateġija Ewropea

Huwa spjega li, “l-impenn tagħna fis-sigurtà tal-ikel huwa li parallel mal-istrateġija Ewropea, issir iktar reżiljenti fuq li tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-ikel. Fl-aħħar ġimgħat ħabbarna l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027 b’investiment ta’ €166 miljun li se jkompli jolqot b’mod pożittiv lir-raħħala u lill-bdiewa Maltin u Għawdxin”. 

L-impjant il-ġdid ta’ madwar 400 metru kwadru se jippermetti lill-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali biex iżżid l-effiċjenza fit-tqattigħ u l-ispulpjar u b’hekk fil-produzzjoni ta’ qatgħat li jmorru għand il-proċessuri tal-laħam lokali.

Ġie spjegat li permezz ta’ dan l-investiment il-koperattiva se tkun qiegħda żżid il-kompetittività tal-majjal lokali hekk kif hija se tkun tista’ tagħti lill-proċessur jew lill-bejjiegħ tal-laħam prodott imqatta’ lest skont il-ħtiġijiet tiegħu u hekk tgħinhom inaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-ġarr tal-karkassi, mal-ħażna u anki mal-ipproċessar inizjali tagħhom waqt li jnaqqsu r-rimi.

Sfidi jinbidlu f’opportunitajiet

L-investiment jinkludi makkinarju ġdid li fost l-oħrajn se jippermetti t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-laħam tal-majjal, kif ukoll it-trattament tiegħu biex ma jixxottax waqt it-tisjir. L-impjant ġie ddisinjat b’mod li waqt li jissodisfa l-kriterji ta’ iġjene u s-separazzjoni neċessarja bejn prodott u ieħor, jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ biex is-settur tal-majjal ikun iktar kompetittiv u fl-istess ħin jippermetti l-aħjar użu ta’ riżorsi investiti.

Il-Ministru Refalo temm jgħid li, “dan  il-proġett se jkompli jibni fuq numru ta’ inizjattivi li permezz tagħhom il-Gvern qiegħed jgħin lis-settur jegħleb dawn l-isfidi u jbiddilhom f’opportunitajiet, fosthom l-għajnuna fuq il-ġwież kif ukoll għajnuna biex, għall-ewwel darba, raħħala Maltin ibbenefikaw mill-fondi Ewropej għall-Għajnuna għall-Ħażna Privata. Bħalma għamel fl-aħħar snin, Gvern Laburista mhux se jieqaf ikun ta’ spalla għar-raħħala u għall-bdiewa kollha”.

Sport