Friday, November 1, 2024

“Mhux sewwa li l-Pulizija jirritornaw id-dar imweġġgħin jew redikolati fuq il-mezzi soċjali”

Raġel mixli li ħebb għal tliet uffiċjali tal-Pulizija u li darab lis-sieħba

Aqra wkoll

“Il-Qorti tħoss li kull tip ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-pulizija hi kundannabbli u l-istess uffiċjali għandhom isibu l-protezzjoni tal-Qrati. U mhux sewwa li jirritornaw id-dar imweġġgħin jew inkella ridikolati fuq il-mezzi soċjali għax hawn min jieħu pjaċir jara xi pulizija mal-art fuq il-ħaxix minflok iqis li dak ikun qiegħed jipproteġi lill-membri tas-soċjetà u għandna nagħtuhom l-appoġġ dejjem u kullimkien.”

Iddikjara dan il-Maġistrat Joe Mifsud meta tressaq quddiemu raġel ta’ 37 sena residenti Santa Venera mixli li nhar it-Tlieta li għadda, f’xi ħin bejn it-8.00 p.m. u l-11.00 p.m., ħebb għal tliet uffiċjali tal-pulizija u kkawża ġrieħi ħfief fuq wieħed minnhom u li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom.

L-imputat kien mixli wkoll li aktar qabel ħebb għas-sieħba tiegħu u li kkawżalha feriti ħfief, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, li kiser il-paċi pubblika u li sar reċediv b’diversi sentenzi tal-Qrati. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bl-Avukat George Camilleri, li qed jidher għalih jitlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Huwa qal li l-imputat qiegħed jipprova jgħix ħajja normali tant li qiegħed ukoll jipprova jsib xogħol. “L-imputat qabad it-triq it-tajba u informani li kien ilu akar minn sena clean,” qal Dr Camileri. 

Kompla jgħid li jidher li kienet kwistjoni li kibret għalxejn filwaqt li rrikonoxxa wkoll li l-imputat kabbarha mal-pulizija. Huwa iżda qal li l-imputat “ma kellux l-intenzjoni li jispiċċa jitrambel fl-art mal-pulizija imma li jirranġa l-affarijiet mal-allegata vittma.”

Wara li sema’ lill-partijiet, il-Maġistrat Mifsud għadda xi rimarki dwar il-pjaga tal-vjolenza domestika u qal li din hija kundannabbli dejjem u kullimkien. Qal li min qiegħed f’relazzjoni għandu jagħmel minn kollox sabiex meta jinqala’ argument ma nispiċċawx b’xi waħda mill-partijiet bil-feruti.

Imbagħad, kompla jgħid il-Maġistrat, il-pulizija jagħmlu dmirhom u jieħdu passi u mbagħad min ikun sofra ġrieħi waqt xi att ta’ vjolenza domestika jinforma lill-pulizija li jew mhux interessati fil-proċeduri jew li mhux se jixhdu fil-konfront ta’ min weġġagħhom.

“Għal din il-Qorti, dan mhux aċċettabbli għax huwa ħela ta’ ħin għall-uffiċjali tal-pulizija, għall-persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u l-Qrati biex imbagħad ikun hemm min ikollu każjiet aktar urġenti li minħabba riżorsi umani li għalkemm żdiedu qatt m’huma biżżejjed ma jingħatawx l-attenzjoni li tixirqilhom minħabba li jkunu qed jagħmlu xogħol ieħor,” tenna l-Maġistrat Mifsud. 

Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.

Sport