Il-professjoni tal-għalliema hija ta’ importanza kbira għall-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri, liema professjoni barra li tirrikjedi lat akkademiku ta’ livell għoli ta’ Masters, tirrikjedi wkoll dedikazzjoni kbira f’livell ta’ vokazzjoni li twassal għal tixrid edukattiv effettiv.
Dawn l-għalliema għandna bżonnhom u għaldaqstant huwa pożittiv li minn informazzjoni li ħarġet mill-Parlament jirriżulta li f’din is-sena skolastika ġew ingaġġati 59 għalliema regolari ġodda fi skejjel Primarji u 54 oħra fi skejjel Medji u Sekondarji b’total ta’ 113.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażgħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, wara mistoqsija li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziela Galea rigward kemm kien hemm għalliema li spiċċaw mix-xogħol matul din is-sena skolastika.
Mid-dettalji mitluba l-Ministru Grima qal li fil-livell tal-Kindergarten kien hemm sitt għalliema li spiċċaw mix-xogħol; 25 mill-Primarja; 37 mis-Sekondarja; ħamsa mill-Post-Sekondarja u tnejn oħra li kienu jgħallmu livelli differenti.
It-total tal-għalliema li fis-sena skolastika tal-2022-2023 spiċċaw mix-xogħol kien ta’ 75 mentri dawk ingaġġati ġodda fl-istess perjodu kien ferm għola – kif għidna, 113 b’kollox. Differenza ta’ 38 għalliema ġodda iżjed minn dawk li waqfu.
“Kors li jirrikjedi ħafna dedikazzjoni”
Studenta Universitarja li qiegħda fil-fażi tal-prattika tal-professjoni bħala għalliema, Katia Borg, tkellmet ma’ dan il-ġurnal fejn ikkonfermat li l-kors tagħhom jirrikjedi ħafna dedikazzjoni. Dan minħabba li, “il-lectures tal-Università huwa importanti ħafna li tagħmel dak kollu mitlub minnhom bħalma huma l-eżamijiet u l-assignments. Barra minnhekk, element kruċjali huwa li tagħmel kollox mill-qalb, speċjalment il-qari,” spjegat Katia.
Hija qalet li s-sejħa biex tidħol bħala għalliema ġietha fi tfulitha u li dejjem kien jogħġobha s-suġġett tal-Ingliż. Tant huwa hekk li, “minn dejjem kont naf li se nsir għalliema u qatt ma kkonsidrajt xogħol ieħor”.
Illum il-ġurnata l-affarijiet inbidlu…
Mistoqsija kif tħossha issa li qiegħda dduq dan ix-xogħol b’esperjenza fil-klassijiet hija qaltilna li llum il-ġurnata l-mentalità tat-tfal inbidlet u dan fis-sens li fi żmienha kien hemm aktar rispett lejn l-għalliema. Hawn hija semmiet l-element ieħor li għamel differenza fl-andament tax-xogħol tagħha li huwa t-taħliet tal-kulturi differenti fl-istess klassi.
Katia qalet li ebda settur tax-xogħol mhuwa perfett imma tħoss li l-edukaturi mhumiex imħallsa biżżejjed għax-xogħol u d-dedikazzjoni li fih fejn żiedet tgħid li, “anke s-sigħat twal ta’ xogħol wara l-ħinijiet tal-iskola mhuwiex ikkonsidrat.”
Min-naħa l-oħra ħadna wkoll l-opinjoni ta’ edukatur li min-naħa tiegħu, ilu s-snin f’din il-linja tax-xogħol. Dan qalilna li l-iskola fejn jgħallem m’hemmx nuqqas ta’ għalliema u dan minnu nnifsu huwa sinjal pożittiv ħafna. Però stqarr li, “aktar milli nħares lejn in-numri, jinkwetani min qiegħed jiġi ingaġġat u x’tip ta’ taħriġ pedagoġiku għandhom għax dawn mhux kollha jieħdu l-kors universitarju. Hemm minnhom jidħlu supply u hemm tidħol id-differenza fil-livell u l-kwalità tat-tagħlim”.