Kif nipproteġu l-Bank fi żminijiet ta’ inċertezzi u l-futur tal-Immaniġjar tar-Riskju kienu s-suġġetti diskussi matul konferenza ta’ taħriġ mifruxa fuq ħamest ijiem. Dan it-taħriġ kien organizzat mill-Bank stess.
Diversi kelliema mill-Università ta’ Malta, McKinsey, Deloitte, ESG Alliance, Grant Thornton, Avant Garde, BDO Chapelle Consulting, kif ukoll impjegati u diriġenti tal-Bank qasmu l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom fuq firxa wiesgħa ta’ temi. L-aġenda kienet tinkorpora wkoll sessjonijiet dwar kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu fiżikament u mentalment.
Il-parteċipanti sfidaw lil xulxin dwar l-għarfien tagħhom fuq il-Bidla fil-Klima matul kwiżż bl-isem ta’ “Il-Bidla fil-Klima: Logħbal tal-Jenga Globali”. Il-kwiżż kien iddisinnjat mill-funzjoni tal-ESG tal-Bank, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni ta’ Julian’s Pathfinder. Din hija fondazzjoni li tfittex li tgħin tfal b’kapaċijiet eċċezzjonali jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Il-Bank qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil din il-Fondazzjoni.
Iċ-Chairman tal-Bank Dr Gordon Cordina, id-Direttur Alfred Mifsud, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia kif ukoll iċ-Chief Risk Officer Miguel Borg tkellmu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li teknoloġiji emerġenti jirrappreżentaw għall-istrateġija u l-operat tal-Bank. Miguel Borg, Chief Risk Officer, qal: “Il-kelliema kollha li kellna għamlu kontribuzzjonjiet validi u importanti għall-konferenza, filwaqt li t-tim ddiskuta l-immaniġjar tar-riskju b’aġilità, il-bidla fil-klima, l-intelliġenza artifiċjali, id-diġitalizzazzjoni u diversi suġġetti oħra ta’ interess kemm għall-Bank kif ukoll għall-ekonomija Maltija.”