Saturday, December 21, 2024

Impjiegi rekord… xhieda ta’ gvern għaqli

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija Maltija kibret sew u kompliet issir iktar reżiljenti tant li wasslet għal espansjoni tas-suq tax-xogħol. L-impjiegi rekord li nħolqu, anki f’waqtiet meta l-ekonomija kienet f’morsa kaġun tal-pandemija, huma xhieda ta’ dan is-suċċess. 

Iżda, dawn il-kisbiet fil-qasam tal-impjiegi ma waqgħux waħedhom mis-sema. Xejn ma jsir mix-xejn jew b’kumbinazzjoni. Imma kollox sar bi pjan u strateġija f’lokha li wasslu għas-suċċess. 

Ħadd ma jista jiċħad illum li l-avvanzi kbar ekonomiċi u soċjali kollha li laħaq pajjiżna nkisbu sforz ħidma sfieqa li kienet ibbażata fuq numru bla preċedent ta’ inċentivi fiskali li l-għan tagħhom kien imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali; fuq il-ġlieda kontra l-faqar li tirriżulta min-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u mpjieg għall-ħaddiema.

Jekk kellna niflu sew il-budgete għas-sena li aħna fiha u nqisuħ f’kuntest ta’ pandemija li għotrot ekonomiji ferm ikbar u ferm iktar b’saħħithom minn tagħna, malajr insibu li pajjiżna għamel il-mirakli fis-settur tal-impjiegi. Qatt daqs illum ma kellna rata ta’ qgħad daqshekk baxxa.

Fil-fehma tagħna, is-settur tal-impjiegi wera l-għaqal tal-Gvern Laburista li għaraf jaqbad il-barri minn qrunu fil-ħin billi inċentiva kemm felaħ finanzjarjament lin-negozji biex l-impjiegi jibgħu bla mittiefsa.

Forsi għal xi ħaddieħor, ir-ruxxmata ta’ benefiċċji u inċentivi fiskali li ġew introdotti tul il-pandemija matul dawn l-aħħar sentejn biex jipproteġu l-impjiegi u l-għajxien tal-familji f’pajjiżna kienu ħela u tberbieq ta’ flus. Żgur imma li għall-ħaddiema li ma tilfux l-impjieg tagħhom, dawn l-investimenti ma kienux tberbieq imma kienu manna nieżla f’ħalqhom.

U meta nitkellmu dwar il-forza tax-xogħol, inkunu qed infissru wkoll impjiegi li jagħtu ħajja diċenti lil min jaħdem, u mhux xogħol prekarju li jżid il-miżerja għax iwassal għar-riskju tal-faqar, kif għadna ffaċċjati bil-problema tal-prekarjat f’ċertu setturi ekonomiċi fosthom dak tal-carers u tal-‘platform workers’.

Għandna għax nifhmu iżda li l-Gvern Laburista huwa konxju sew ta’ dawn il-problemi tant li kien diġa ħa miżuri biex jindirizzaw il-prekarjat fil-qasam tal-ħaddiema tal-kuntrattur. 

Dan għamlu billi regolarizza ċertu oqsma ta’ dan is-settur biex ħaddiema tal-kuntrattur li qed jagħtu xi forma ta’ servizz lill-Gvern, jitħallsu daqslikieku huma ħaddiema tal-gvern.

Għalhekk, biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem ekonomikament u soċjalment jeħtieġ li ċertu kuntratturi jifhmu li l-impjiegi li joffru jkunu denji li jagħtu ħajja diċenti lill-impjegati tagħhom. 

Dan ninsistuh għaliex nemmu li d-dinjità tal-ħaddiem tiġi qabel kull interess ieħor u qabel kull massimizzazzjoni tal-profitt. Għax nemmnu wkoll li ħaddiem kuntent u seren fuq il-post tax-xogħol tiegħu jfisser ħaddiem iktar bieżel li jagħti dak kollu li jista’ skont il-ħiliet li jkollu.

Ekonomija

Sport