Monday, March 10, 2025

Implimentati 22% tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta-Sofia … 74% oħra fi stadju avvanzat ħafna 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara l-inċident li fih tilef ħajtu ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, kienet inħatret inkjesta pubblika preseduta mill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar.

Fit-28 ta’ Frar 2024, il-Prim Ministru rċieva r-rapport ta’ din l-inkjesta u ppubblika b’mod immedjat r-rapport sħiħ tagħha u ħatar sotto kumitat tal-Kabinett biex imexxi b’mod iffukat l-implimentazzjoni tad-39 rakkomandazzjoni li ħarġu mill-istess rapport. 

Dan il-Kumitat jinkludi erba’ Ministri b’portafolli direttament relatati mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika u huwa mmexxi minn Mark Mallia, Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Kumitat jiltaqa’ regolarment biex jassigura li kull rakkomandazzjoni qed tiġi segwita b’pass konkret u strutturat. Ukoll, il-Kumitat żamm impenn li jipprovdi aġġornament lill-Kabinett kull tliet xhur. B’kollox f’dawn l-aħħar 12-il xahar, il-Kumitat iltaqa’ xejn inqas minn 18-il darba. 

Fi briefing li sar iillum għall-ġurnalisti, f’għeluq sena mill-pubblikazzjoni tar-rapport, ingħata rendikont tal-ħidma mwettqa f’dan ir-rigward. Jirriżulta li 22% tar-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati b’mod sħiħ, 74% oħra jinsabu fi stadju avvanzat li jiġu implimentati mentri huma biss 4% ir-rakkomandazzjonijiet li sa issa għadhom ma ġewx implimentati.

Mal-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela kien ukoll ħabbar ħames inizjattivi li l-Gvern beda jaħdem fuqhom biex ikompli jirriforma s-settur tal-kostruzzjoni li huma dawn li ġejjin:

1 – Leħen akbar liċ-ċittadin

  • Introduzzjoni ta’ sistemi aħjar ta’ rappurtaġġ.
  • Assistenza legali u teknika ta’ Avukati u Periti mingħajr ħlas għal ċittadini affettwati.
  • Helpline 138 b’rispons mgħaġġel, aktar faċli u effiċjenti biex wieħed jirrapporta inċidenti jew abbużi

2 – Infurzar aktar b’saħħtu

  • Proċess ta’ infurzar konsolidat bejn l-Awtoritajiet fis-settur tal-kostruzzjoni.
  • Aktar spezzjonijiet fuq siti tal-kostruzzjoni u azzjonijiet diretti kontra ksur tal-liġi.
  • Pubblikazzjoni ta’ reġistru u trasgressuri fuq is-sit tal-OHSA sal-2025. 

3 – Liġi ġdida tal-OHSA

  • Saħħet il-governanza tal-OHSA u żiedet setgħat ġodda.
  • Deterrent aktar effettiv, bl-introduzzjoni ta’ qafas ġdd ta’ penali amministrattivi u multi sa €50,000.
  • Ħolqien ta’ tribunal speċjalizzat biex jisma każijiet ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 

4 – Ħarsien tal-bini

  • Eliminazzjoni tad-distinzjoni bejn bini stand-alone u bini ieħor.
  • Rekwiżiti u assigurazzjoni aktar stretti fuq siti tal-kostruzzjoni li jkopri lill-ħaddiema u lil terzi.
  • Introduzzjoni ta’ liċenzjar obbligatorju għall-benneja u l-kuntratturi. 

5 – Riforma fl-allokazzjoni tal-art

  • Titjib fil-proċessi ta’ għoti ta’ art industrijali.
  • Aġġornament tal-proċeduri sabiex jiġi żgurat użu aktar trasparenti u sostenibbli tal-art.
  • Aktar tard din is-sena se jiddaħħlu emendi fil-liġ dwar l-operat ta’ Malta Enterprise u INDIS Malta, filwaqt li se jkun hemm industrial policy.
  • Art industrijali se tibda tingħata fuq il-valur miżjud li se tagħti lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
  • Tkompli tissaħħaħ il-governanza, it-trasparenza u l-proċessi amministrattivi relatati mal-iżvilupp industrijali f’Malta.

Emendi fil-Proċeduri ta’ Notifika u Żvilupp

Riforma fl-Ordni ta’ Notifika tal-Iżvilupp (DNO)

  • Ġew introdotti emendi sinifikanti sabiex jissaħħu r-regolamenti għal żviluppi fiż-żoni industrijali mmexxija minn INDIS u Malta Enterprise.
  • Ladarba tiġi vvalidata notifika ta’ żvilupp, l-Awtorità tal-Ippjanar se jkollha sa 30 jum biex tevalwa s-sottomissjoni u tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha, segwita minn sebat ijiem oħra għal deċiżjoni finali mill-Bord tal-Ippjanar.

Regoli Ġodda għal Żviluppi Viċin Proprjetajiet ta’ Terzi

  • Kwalunkwe żvilupp fiż-żoni ta’ INDIS u Malta Enterprise li jmiss ma’ proprjetà ta’ terzi issa għandu jgħaddi minn proċess sħiħ ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp.

Skrutinju u Approċċ aktar Strutturat

  • Żviluppi kompletament imdawra minn siti INDIS se jkunu rregolati taħt ordni regolatorja ġdida sabiex tiġi garantita l-konformità u l-infurzar effettiv.
  • Żviluppi approvati jkollhom validità ta’ tliet sni, b’possibilità ta’ estensjoni għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin.

Konsultazzjoni pubblika u parteċipazzjoni ta’ stakeholders

  • Kwalunkwe żvilupp fiż-żoi ta’ INDIS u Malta Enterprise li jmiss ma’ proprjetà ta’ terzi jridu jgħaddu minn perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ 30 jum. 

Il-mixja lejn standards ogħla

Tisħiħ tal-infurzar: aktar spezzjonijiet u infurzar aktar rigoruż fuq il-postijiet tax-xogħol.

Reġistru ta’ persuni kompetenti: Assigurazzjoni li professjonisti fis-settur huma mħarrġa u kwalifikati.

Edukazzjoni u taħriġ: Programmi ġodda għall-ħaddiema u l-kuntratturi sabiex joperaw skont l-ogħla standards tas-sigurtà.

Kollaborazzjoni akbar bejn entitajiet: Aktar ftehimiet, inkluż b’MOUs bejn l-OHSA, il-BCA u entitajiet oħra sabiex tiġi msaħħa l-governanza fis-settur. Mill-aħħar ġimgħa t’Awwissu ’l  hawn saru madwar 550 spezzjoni konġunta u minnhom irriżulta li ttieħdu 134 azzjoni mill-uffiċjali tal-BCA u 147 azzjoni mill-uffiċjali tal-OHSA. 

L-Ombudsman: Twessigħ tal-kompetenza tal-Ombudsman, inkluż mandat estiż għall-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Imwaqqaf Direttorat: Twaqqaf Direttorat għall-Kostruzzjoni u s-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol biex jippromwovi sigurtà aħjar, jikkordina ma’ entitajiet rilevanti u jimplimenta miżuri meħtieġa.

L-Iskill Card: Qed isiru diskussjonijiet biex l-Iskill Card tal-kostruzzjoni tiġi integrata f’portal nazzjonali wieħed.

Regolamenti ġodda dwar is-Saħħa u s-Sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni

Tnedew sett ta’ għodod leġiżlattivi ġodda li fost l-oħrajn jittrattaw regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni

Il-Malta Labour Migration Policy

Il-Gvern nieda wkoll il-Malta Labour Migration Policy biex jassigura li l-migrazzjoni tax-xogħol tkun regolata b’mod trasparenti u sostenibbli. Din il-politika tiffoka fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-introduzzjoni ta’ kriterji aktar ċari sabiex f’Malta jidħlu biss ħaddiema kwalifikati u meħtieġa. 

Żieda fir-riżorsa umana

Il-ħaddiema fil-BCA żdiedu għal 84, b’26 minnhom fit-taqsima tal-infurzar. Il-mira hi li dawn jiżdiedu b’20 oħra. 

Aktar minn 20,000 spezzjoni mill-BCA u l-OHSA matul l-2024

Saru ‘l fuq minn 12,750 spezzjoni mill-BCA, li fihom inħarġu 670 multa u 240 oħrdni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. L-ispetturi tal-OHSA wettqu madwar 9,400 spezzjoni f’diversi setturi ta’ xogħol inklużi f’siti ta’ kostruzzjoni, fejn inħarġu madwar 550 penali, u ġew ordnati 331 ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. L-ispetturi tal-OHSA ħarġu wkoll 960 notifika għal titjib fuq il-post tax-xogħol.

Helpline 138

Is-servizz tal-helpline 138 wassal għal 17,000 telefonata f’sitt xhur għal medja ta’ madwar 100 telefonata kuljum.

Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni 

Iffirmat ftehim ġab flimkien l-imsieħba ewlenin fis-settur tal-kostruzzjoni biex b’impenn jaħdmu fuq l-implimentazzjoni ta’ Kodiċi Nazzjonali dwar il-bini u l-kostruzzjoni, li se jwassal għad-dħul fis-seħħ b’mod gradwali ta’ 17-il kodiċi tal-bini u sitt kodiċi tal-kostruzzjoni.

Uffiċċju ġdid tal-OHSA f’Għawdex

Preżenza diretta għall-infurzar u taħriġ f’Għawdex fil-jiem li ġejjin biex jonqos l-iskariġġ għall-Għawdxin li s’issa kienu qegħdin ikollhom jinżlu Malta biex jinqdew b’tali servizzi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport