Il-gwerra fl-Ukrajna hija biss tliet sigħat ‘il bogħod bl-ajruplan. Gaza eqreb, madwar sagħtejn. Fostna għandna jgħixu Russi, Ukreni, Iżraeljani u Palestinjani. Kollha għandhom qrabathom, ħbiebhom, nies li jafu … mdaħħla fiż-żewg gwerer. Importanti li ma nħallux dawn il-gwerer jinfirxu għall-kunflitti bejn dawn il-komunitajiet fostna u ma nħallux mibegħda tinxtered kontra xi wieħed minn dawn il-popli.
Hekk fisser il-ħsieb tiegħu l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo f’intervista li kellu ma’ dan is-sit dwar il-kunflitti ta’ bħalissa. Huwa fakkar li “fil-bidu tal-gwerra mir-Russja kontra l-Ukrajna kien hawn min beda jattakka Russi fostna. Ħadna l-passi biex dawn inwaqqfuhom. Kellna tfal Russi li ġew stmati ħazin fl-iskola. Sadattant pajjiżna laqa’ rifuġjati Ukreni. Tkellimna maż-żewg komunitajiet biex naraw li ma jkunx hemm inkwiet bejniethom f’pajjiżna. Dawn huma żewġ popli mħalltin ħafna ma’ xulxin anki fostna.
Evarist Bartolo sostna li f’pajjiżna żammejna l-kwiet minkejja t-tbatija u l-ugigh li ġġib kull gwerra. Fostna jgħixu Palestinjani minn Gaza u Iżraeljani. Għalhekk, pajjiżna m’għandux iħalli mibegħda tinxtered kontra tagħhom. F’dan il-kuntest fakkar li kien intqal kliem żejjed fi skola kontra tfal Palestinjani, qishom xi terroristi tal-Ħamas.
Huwa tenna li l-iskejjel iridu jgħallmu kif ngħixu flimkien, diffiċli kemm hi diffiċli. B’tant nies jgħixu u jaħdmu f’Malta minn kulturi u reliġjonijiet differenti hemm bżonn li nieħdu l-integrazzjoni ħafna izjed bis-serjeta`.
Mad-dinja kollha qed tinxtered kemm mibegħda kontra l-Izrael u kif ukoll kontra l-Palestinjani u l-Iżlam. S’issa kellna din il-mibegħda titfaċċa lokalment f’kummenti fil-midja soċjali. Essenzjali li jittieħdu l-passi kollha meħtiega biex la jkollna anti-Semitizmu, mibegħda kontra l-Lhud, u lanqas Iżlamofobija, preġudizzju u stmerrija kontra l-Iżlam.
Fakkar li l-Kostituzzjoni tagħna u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħuda u tal-Unjoni Ewropea huma gwida tajba kif għandna nġibu ruħna f’dawn il-gwerer. Enfasizza wkoll li l-Kostituzzjoni tagħna tgħid li aħna “stat newtrali” favur “il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha …” billi ma nidħlu fl-ebda alleanza militari; ma nħallu ebda bażi militari barranija fostna u ebda faċilitajiet militari ma jintużaw “ħlief fuq talba tal-Gvern ta’ Malta” biex niddefendu ruħna jew biex inwettqu deciżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurta` tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda jitkellmu fuq id-dritt ta’ kull stat li jmexxi lilu nnifsu, li l-kwistjonijiet bejn il-pajjiżi m’għandhomx jiġu solvuti bil-gwerer u kull poplu għandu dritt jgħix fil-paċi, fil-liberta` u fil-progress.
Il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea huma d-dinjita` umana, il-liberta`, id-demokrazija, l-ugwaljanza, id-drittijiet umani, is-saltna tad-dritt. is-sigurta`, il-paċi u l-koperazzjoni bejn il-ġnus.
Evarist Bartolojgħid lib’dawn il-principji nagħmlu sew li nkunu kontra l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Nagħmlu sew ukoll li nkunu kontra t-terroriżmu tal-Ħamas u x’għamlu fis-7 ta’ Ottubru 2023 meta qatlu 1,400 Iżraeljani.
Imma jekk irridu nħaddmu l-principji tal-Kostituzzjoni tagħna, tan-Nazzjonijiet Magħquda u tal-Unjoni Ewropea li nemmnu fihom, irridu nħaddmuhom f’kull każ. Kif nikkundannaw l-attakki tar-Russi kontra n-nies ċivili u t-tfal, għandna nikkundannaw l-attakki tal-Iżrael kontra n-nies ċivili u t-tfal ta’ Gaza li minnhom qatlu iżjed minn 8,500. Kif nikkundannaw id-delitti tal-gwerra tar-Russi kontra l-Ukreni għandna nagħmlu l-istess mal-Iżrael. Jekk iċ1ċaħħad lin-nies ċivili u t-tfal mill-ilma, mediċinali u ikel tkun qed tikser il-ligi internazzjonali, int liema pajjiż int.
Isemmi wkoll kif ċertu pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qed jagħmlu żball kbir u jitilfu iżjed rispett u kredibilta` u jigu akkuzati b’ipokrisija meta jżommu mal-Ukreni waqt li jqisu l-qtil tal-eluf ta’ Palestinjani f’Gaza mill-bumbardamenti Iżraeljani bħala dritt li l-Iżrael jiddefendi ruħu mit-terroriżmu tal-Ħamas.
“M’għandniex ninġarru b’għjnejna magħluqin mal-kurrent tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea u fiż-żewg gwerer għandna nħaddmu l-istess prinċipji. Kif aħna favur li l-Ukreni jibqa’ jkollhom l-istat tagħhom u jmexxu lilhom infushom għandna nkunu favur li l-Palestinjani wkoll, bħall-Iżrael, ikollhom l-istat taghhom kif kienet iddeċidiet in-Nazzjonijiet Magħquda 75 sena ilu imma l-Iżrael kompla jagħmel bil-maqlub u ħataf iżjed art li kellhom il-Palestinjani u llum huma mferrxa bħala rifuġjati jgħixu fil-faqar”.