Sunday, May 5, 2024

Lejn kwalità aħjar fl-edukazzjoni

Aqra wkoll

Kif bosta minnkom jafu, u wkoll min jaf lili personalment jaf li apparti li jiena psikologa, naħdem ukoll fil-qasam edukativ, fejn ngħallem appuntu l-psikologija ġewwa l-Università ta’ Malta. Ilni nagħmel dan ix-xogħol ta’ edukatur għal dawn l-aħħar 25 sena u wkoll noff­ri s-servizzi tiegħi f’diversi entitajiet edukattivi, l-aktar dawk li jappartjenu fis-sezz­joni Avvanzata u Ogħla. Għal­daqstant illum se nispjega fi ftit dettall dwar emendi li se jseħħu f’dan ir-rigward u għaliex huma ta’ ġid. 

Permezz ta’ dawn l-emendi proposti qed jingħata ċ-ċans li jiżdied l-ammont ta’ nies iservu f’bord li għandu f’idejh nista’ ngħid l-edukazzjoni Avvanzata u Ogħla kollha, mhux biss ta’ pajjiżna iżda anke ta’ entitajiet oħrajn illi jiġu f’pajjiżna sabiex ikunu akkreditat u li jgawdu mill-bosta ftehimiet li għandna ma’ pajjiżi oħra fuq rikonoxximent ta’ kwalifiċi. Din il-bidla nilqagħha bi ħġari, għaliex huwa importanti li jkun hemm kemm jista’ jkun nies ta’ ħila u abilità fuq dan il-bord.

Ma jistax ikun li jkollna nies li mhumiex imħarrġin fl-edukazzjoni li jieħdu ċertu deċiżjonijiet fuq dawn il-livelli jew inkella nies li qatt ma ħadmu fl-ambitu edukattiv. Il-mod ta’ kif kienet il-ligi fil-passat, ma tistipulax kwalifiċi tar-rappre­żentanti tal-entitajiet edukattivi.

Aktar minn hekk, ma kienx hemm rappreżentanza tal-entitajiet edukattivi kollha, u donnu kien hemm preferenza ta’ xi entitajiet fuq oħrajn. ll-persuni magħżula permezz tal-emendi l-ġodda ma jridux ikunu marbuta mal-ebda entità edukattiva jew inkella li jirrappreżentaw l-entità edukattiva. Dan qed isir sabiex il-persuni fuq il-bord ikunu ħielsa minn dak li jista’ jimponilhom il-post tax-xogħol tagħhom u jħossuhom obbligati jieħdu deċiżjonijiet li ma jkunux komdi bihom. 

Aktar minn hekk, fil-bord issa se jkun hemm żewġ persuni li jkunu propju mħarrġin fil-proċess tal-kwalità jiġifieri li jkunu għamlu korsijiet fuq Quality Assurance fl-ambitu edukattiv u wieħed jistenna li dawn ikunu f’livell ta’ Masters jew saħansitra Dottorat f’dan il-qasam.

Jiena kelli x-xorti li naħdem fuq l-ambitu tal-kwalità fl-edukazzjoni f’bosta stanzi. Fi żmieni bħala Direttur l-MCAST ħdimt ma’ diversi entitajiet edukattivi barranin fosthom City and Guilds, BTEC u anke ITEC. Għamilt xogħol anke għal Malta Further and Higher Education Authority, fejn ħdimt fuq approvazzjoni ta’ korsijiet u anke qgħadt fuq panels ta’ għoti ta’ liċenzjar lill-entitajiet edukattivi.

Dan huwa xogħol ta’ responsabbiltà kbira u t-taħriġ f’dan ir-rigward għandu jkun immirat biex jassigura li qegħdin nagħtu servizz ta’ kwalità lill-istudenti li jagħżlu li jagħmlu ċertu korsijiet. L-appell tiegħi huwa wieħed li m’għandniex nittraskuraw il-fatt li l-pedagoġija jew inkella l-ispeċjalizzazzjoni tal-għalliem jista’ jagħmilha kull min studja kwalunkwe suġġett.

Anke jekk persuna ilha tipprattika xogħol jew professjoni ħamsin sena, ma jfissirx li taf tgħaddi dak li taf bl-aħjar mod jew inkella li se tistimola l-ħsieb tal-istudenti li għandha quddiemha. 

Kien hemm żmien taħt il-Partit Nazzjonalista fejn kull min kien iġib lawrea f’livell ta’ masters seta’ jġib warrant. Hawn min iva jitwieled bil-vokazzjoni ta’ għalliem u ftit li xejn ikollu bżonn taħriġ iżda dawn fil-verità, mill-esperjenza tiegħi, dawn in-nies tgħoddhom fuq ponot subgħajk.

L-edukazzjoni ġewwa pajjiżna nistgħu biss nindukrawha b’mod illi naraw li l-għalliem ikun jista’ jaħdem u jiġi ttrattat ta’ professjonist. Dan għandu jkun rifless anke fit-tip ta’ korsijiet, sillabi u tmexxija fl-entitajiet edukattivi kollha mhux biss dawk tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.

Huwa inutli fil-verità li nitkellmu fuq Edukazzjoni f’dan il-livell jekk ma nsaħħux b’kull mod u manjiera l-edukazzjoni bikrija. Huma l-edukaturi fil-kindergartens tagħna u anke fil-primarji li jridu jgħaddu l-ħiliet fundamentali sabiex uliedna jirnexxu. Nerġa’ ndur propju għas-settur li qiegħda niffoka fuqu llum, dik tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla.

Fi żmien meta kont studenta jien, konna naċċettaw kull tip ta’ kwalifika, anke ta’ bordijiet li ma kinux tal-Università sabiex kemm jista’ jkun niftħu l-opportuntajiet ta’ studju ġewwa l-Università ta’ Malta. Kemm ilna li erġajna bil-Matriculation Certificate, l-Università saret aktar ristretta għaliex jekk student ma jġibx ir-rekwiżiti kollha u joqgħod għall-eżamijiet tal-Matrikola f’livell Avvanzat u Intermedju iżda jagħżel li jagħmel xi kwalifiċi oħra bħal pereżempju dawk taż-żfin jew tal-mużika, dawn ma jiġux meqjusin validi.

Ghaldaqstant nappella sabiex din is-sitwazzjoni tinbidel il-għaliex morna lura f’dan ir-rigward. Mhux ġust li f’sitwazzjoni bħal din, l-Università tkun l-entità li qed toffri l-korsijiet u l-istess entità li qed toffri l-eżamijiet sabiex l-istudenti stess jidħlu fil-korsijiet li toffri. Qegħdin naraw sitwazzjoni fejn il-livell tal-karti fil-livell Ordinarju u dak Avvanzat qiegħed dejjem jogħla u mbagħad l-istudenti jispiċċaw jirrepetu l-istess materjal meta jidħlu l-Università.

Irridu nħallu lill-istudenti tagħna jieħdu gost jitgħallmu. Qegħdin naraw li qed issir riforma fil-kurrikulu iżda ma’ din irridu naraw li l-MATSEC ma jibqax taħt il-kappa tal-Università. Li l-eżamijiet huma governati minn entità edukattiva ma tagħtix impressjoni tajba lanqas fuq l-entitajiet l-oħrajn li jkollhom jużaw dawn l-eżamijiet bħala benchmark għall-istudenti sabiex jidħlu għall-korsijiet tagħhom. 

Punt ieħor li nixtieq insemmi huwa l-użu tat-teknoloġija. Iż-żgħażagħ tagħ­na mdawrin biha u tarahom bl-aħħar mudelli ta’ mowbajls u kompjuters. X’inhu dak li qed iżommna milli nagħmlu l-eżamijiet fuq kompjuter? Għandna daqstant teknoloġija imma mbagħad liż-żgħażagħ tagħna rriduhom jagħmlu eżamijiet ta’ xi tliet sigħat il-ħin kollu jiktbu.

Inħoss li dan m’għadux aċċettabbli. Jekk qegħdin naħsbu għall-qalba diġitali fl-industrija hekk ukoll irridu fl-edukazzjoni li tassew tirrifletti din il-bidla. Irridu naħsbu f’aktar bidliet li jirriflettu propju s-soċjetà tagħna. 

Gvern Laburista ma jibżax mit-tibdil, u wkoll ma’ jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet li forsi ma jkunux daqstant popolari, iżda jaf li dawn se jservu ta’ ġid għal pajjiżna. Dan iwassal sabiex in-nies ikunu tassew qed tibbenefikaw mill-miżuri li nkunu qegħdin nieħdu.

Għalkemm l-edukazzjoni titqies bħala settur li jikkontribixxi għan-nefqa tal-Gvern, fil-verità din in-nefqa tissarraf lura fil-futur billi nsaħħu l-kwalità tal-impjegi u tal-livell tal-għejxien tal-persuna ġewwa pajjiżna, u dan huwa l-vera investiment.

Sport