Friday, May 3, 2024

Ekonomista jesprimi tħassib dwar tkabbir ekonomiku dipendenti fuq is-sussidji 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-budget ippreżentat it-Tnejn li għadda kellu diversi reazzjonijiet b’uħud jidentifikaw il-bosta miżuri li wasslu għal budget bl-ikbar nefqa soċjali u oħrajn li identifikaw aspetti importanti li fil-fehma tagħhom ma kinux indirizzati bl-aħjar mod.

Indiskutibbli hija l-ispalla tal-gvern fuq iċ-ċittadin li qiegħed jinvesti €350 miljun biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, ċereali u l-għalf tal-annimali. Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kkonferma li l-Gvern se jibqa’ joffri din l-ispalla għat-tliet snin li ġejjin u l-pjan huwa li sa dak iż-żmien din il-problema tittaffa bi proġetti bħalma huwa t-tieni interconnector u aktar ’il quddiem sistemi ta’ enerġija rinovabbli offshore. 

Minkejja dan il-poplu hemm barra qiegħed jistaqsi x’se jkun qiegħed idaħħal fil-but u x’se jkunu qegħdin jinkludu l-ispejjeż tiegħu. Suġġetti oħrajn diskutibbli dwar kif se jkunu milqutin matul il-perjodu msemmi fl-istess budget hija l-popolazzjoni u l-immaniġjar tat-traffiku … Iżda x’kellhom xi jgħidu persuni li ta’ kuljum jaħdmu mill-qrib maċ-ċifri u l-proġetti relatati ma’ dan kollu? 

“Il-Budget 2024 iffoka fuq kif se jgħin lin-nies fil-faxex t’isfel permezz ta’ żieda fin-nefqa ta’ varji miżuri soċjali u sussidji. Dan se jwassal biex in-nefqa rikurrenti hija mbassra li tiżdied b’€1 biljun bejn l-2023 u l-2026.”

Iddikjara dan l-ekonomista Silvan Mifsud meta mitlub reazzjoni dwar il-budget preżentat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana. Mifsud kompla biex jispjega li min-naħa l-oħra n-nefqa kapitali se tiżdied biss b’€54 miljun bejn l-2023 u l-2026. Din iż-żieda fin-neqa kapitali hija wisq probabbli mhux biżżejjed meta wieħed iqis iż-żieda fil-popolazzjoni u l-pressjoni li din qiegħda ġġib fuq id-distribuzzjoni tal-energija u l-immanigjar tal-iskart.

L-ekonomista kompla biex jgħid li l-gvern qiegħed jipprevedi li se jibqa’ jkollu żbilanċ qawwi fin-nefqa tiegħu, b’deficit ta’ ftit anqas minn €1 biljun fl-2024, li jibqa’ sejjer hekk sal-2026 b’deficit ta’ ftit anqas minn €900 miljun. Dan ikun ifisser li d-dejn pubbliku se jiżdied min ftit taħt l-€10 biljun fl-aħħar tal-2023 sa €13-il biljun sal-aħħar tal-2026. 

“Il-gvern qed jipprevedi li biex id-dejn pubbliku jibqa’ wieħed sostennibli, l-ekonomija Maltija tikber minn ftit anqas minn €19-il biljun sal-aħħar tal-2023 għal ftit aktar minn €26 biljun sal-aħħar tal-2026”, kompla biex jispjega Mifsud filwaqt li fakkar li dan it-tkabbir ma jseħħx waħdu. Żied ifakkar li biex jitqassam il-ġid l-ewwel irridu noħolquh u meta wieħed jara d-diskors tal-budget, minkejja xi incentivi u skemi msemmija, ħafna minnhom ikunu estensjoni ta’ skemi diġà eżistenti u tista’ tieħu l-impressjoni li kważi dan it-tkabbir ekonomiku huwa meħud for granted li se jiġri.

Iżda fil-fehma tiegħu Mifsud qal li dan il-budget iħalli tliet aspetti importanti kważi kompletament barra. L-ewwel aspett huwa il-kontroll tal-inflazzjoni u dan hekk kif il-gvern se jżid in-nefqa rikorrenti biex iżid il-miżuri soċjali u s-sussidji. Huwa spjega li dan se jkollu effett fuq id-domanda interna li hija mbassra li se tibqa’ qawwija. 

“Dan x’aktarx se jwassal sabiex il-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol tibqa’ għolja, li jwassal biex l-inflazzjoni tibqa’ tiżdied hekk kif jiżdiedu l-pagi. Diġà huwa mbassar li l-infazzjoni f’Malta għall-2024 tkun ta 3.7%, meta dik taż-żona Ewro hija mbassra li tkun 2.8% fl-istess sena. Ir-risku hawn huwa li jekk Malta jkollha rata ogħla ta’ inflazzjoni tista’ titlef il-kompettivita’ tagħha, li jwassal għal problemi ferm akbar minn dawk li għandna llum”, żied jgħid Mifsud.

It-tieni aspett mhux indirizzat sew skont Mifsud huwa l-mod kif Malta se titrasforma il-mudell tat-tkabbir ekonomiku tagħha, għal wieħed ibbażat fuq produttività ogħla, b’inqas żieda ta’ nies biex titkabbar l-ekonomija. 

“Il-biża’ tiegħi hawn hija li qed tinħoloq kultura ta’ dipendenza fuq is-sussidji, fejn dawn is-sussidji qed isiru parti sostanzjali mit-tkabbir ekonomiku. Kif nafu is-sussidji huwa ferm aktar faċli idaħħalhom milli tneħħihom”, kompla l-ekonomista filwaqt li qal li min-naħa l-oħra kien hemm xi miżuri pożittivi f’dan l-aspett, bħalma huma t-twettiq tal-Malta Venture Capital fund, l-introduzzjoni awtomatika tal-penzjonijiet privati, l-inċentivi għan-negozji tal-familja u l-iskema għal konsulenza fuq l-ESG għan-negozji żgħar u medji.

It-tielet aspett mhux indirizzat b’mod sodisfaċenti skontu huwa dak li jirrigwardja l-problema relatata mal-konġestjoni tat-traffiku għax dak imsemmi fil-budget huwa ftit wisq biex b’xi mod jindirizza din il-problema b’mod li se jġib xi titjib sostanzjali.

“Dan kien Budget iffukat fuq materji short term, u min-naħa l-oħra ma indirizzax b’mod qawwi biżżejjed, b’inizjattivi u b’kurraġġ, l-ippjanar ekonomiku fit-tul biex ikun jista’ jinħoloq aktar ġid ekonomiku u jkollna impetus ferm akbar biex nagħmlu dik il-qabża fil-kwalità tal-ħajja, ngħollu l-produttività, ikollna tkabbir sostenibbli u ntejbu l-kompettività ta’ Malta”, temm jgħid Mifsud.

Sport