Wednesday, April 24, 2024

“Importanti ma niġġudikawx imma ngħinu” … Psikjatra jispjega xi jwassal għal atti sesswali umani ma’ annimali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA, Ritratt: TVM

Fil-midja lokali ħarġet l-aħbar li raħħal f’San Ġiljan qabad raġel barrani fir-razzett tiegħu li daħal biex imurlu man-nagħaġ. Inewsmalta għamel kuntatt mal-Fundatur u l-psikjatra tal-Fondazzjoni Sokkors fil-Pront, Dr Mark Xuereb li jmexxi l-crisis teams, biex jagħtina kumment dwar x’iwassal biex persuna jkollha atti sesswali ma’ annimal.

Filwaqt li ma jistax jikkumenta fuq il-każ għax m’għandux id-dettalji kollha u jkun prematur li wieħed jasal għal konklużjoni mingħajr ma jkun hemm assejjar inizjali tal-persuna, Dr Xuereb qal li meta wieħed jitkellem fuq żoofelija u bestjalità jrid joqgħod attent li jkun jaf eżattament xi jfissru. 

Dawn huma żewġ kelmiet li jirreferu għall-imġieba sesswali bejn uman u mhux uman, jiġifieri annimal. Iż-żoofelija fil-fatt tfisser li uman ikun stimulat jew ispirat minn annimal mil-lat sesswali. Il-bestjalità min-naħa l-oħra huwa dak l-att ta’ sess bejn uman u annimal.

Il-psikjatra spjega kif l-attività sesswali mhux bilfors tinvolvi penetrazzjoni, però jista’ jkun hemm komportamenti oħra bħal meta wieħed joqgħod imiss, għall-gratifikazzjoni sesswali. “Importanti li nenfasizzaw li mhux kulħadd li jagħmel l-att ta’ bestjalità huwa żoofelu u mhux kull min huwa żoofelu jagħmel aġir sesswali mal-annimali. Importanti wkoll li ngħid li jekk jiena għandi ħsibijiet erotiċi biex nagħmel xi ħaġa mal-annimali, ma jfissirx li jiena qiegħed nikser il-liġi. Min-naħa l-oħra, hemm diversi pajjiżi fejn jekk wieħed jagħmel aġir sesswali mal-annimali, dik tista’ tkun illegali,” sostna Dr Xuereb. 

Skont sors li interpella għandu dan il-psikjatra, dan qallu li mhuwiex illegali li wieħed ikollu att sesswali mal-annimali. Dr Xuereb però, qal li, “hemm żewġ fatturi li wieħed irid iżomm f’moħħu – dak tal-kunsens u l-ieħor l-moħqrija tal-annimali. “Aħna ma nistgħux inkunu nafu jekk l-annimal jagħtix kunsens għal din l-attività jew le u allura tidħol it-tieni waħda, jiġifieri dik tal-moħqrija tal-annimali. Forsi qegħdin iweġġgħu jew ikunu wżati oġġetti tal-logħob erotiku li bihom dawn l-annimali jistgħu jħossuhom iffastitjati jew abbużati”.

Numri li juru li dawn l-atti ma’ annimali huma komuni…

Statistika li turi kemm hija komuni l-bestjalità u żooefilija dehret f’rapport mir-Reuters fl-2015, jgħid li fid-Danimarka f’rapport mill-Ministru tal-Ġustizzja, sab li kien hemm suspetti li 17% tal-veterinarji kellhom x’jaqsmu ma’ annimal. “Jien assolutament m’inix ngħid li l-veterinarji abbużaw jew għandhom dawn il-fantasiji imma din hija biss assoċjazzjoni,” sostna Xuereb. 

Huwa kkwota statistika oħra li tgħid li fil-ħabs, kważi 56% ta’ rġiel, 55% ta’ nisa, 38% ta’ pedofeli u 11% ta’ stupraturi rrapportaw li abbużaw sesswalment minn annimal. Il-psikjatra qal li hawn wieħed irid jindaga u jistaqsi: dawn in-nies fl-assessjar li nagħmlulhom, naraw x’inhuma l-kilbiet tagħhom u jekk humiex miġbuda lejn uman? “It-tweġiba għal din hija iva. Hemm diversi livelli (scales) psikoloġiċi li jistgħu jintużaw biex ikun hemm screening u jingħataw it-trattament li jeħtieġu” kompla Dr Xuereb.

Statistika oħra li kkwota hija dik minn Jenny Edwards li turi li 29% ta’ priġunieri li għandhom sentenzi relatati mal-pornografija, mhux biss kellhom materjal ta’ tfal, imma kellhom ukoll kollezzjoni ta’ pornografija mal-annimali. 25% ta’ rġiel li jaraw il-pornografija adulta jaraw ukoll il-pornografija mal-annimali. Barra minnhekk, 6% ta’ ħabsin fil-juvenile ammettew li kellhom xi kuntatt sesswali ma’ annimal. 35% ta’ dawk li kienu arrestati minħabba bestjalità kellhom ukoll tiċpis ma’ abbuż ta’ tfal u kważi 40% ta’ dawk li kienu fil-ħabs kellhom rekord kriminali ta’ bestjalità, abbuż tat-tfal, vjolenza domestika, stupri, drogi, indiċenza fil-pubbliku u saħansitra qtil.

Il-kap ta’ Sokkors fil-Pront saħaq li dan huwa każ li meta wieħed iħaffer, aktar se jsib u allura importanti li jkun hemm assessjar ħolistiku fil-kuntest ta’ risk management biex jeżaminaw dawn it-tliet sisien:

1. Riskju għalija;

2. Riskju għal xi ħadd ieħor u;

3. Riskju ta’ esplojtazzjoni tal-persuna.

Il-bestjaliżmu fil-klassifikazzjoni tal-psikjatrija jaqa’ taħt il-kategorija tal-mard mentali bħala diżordni ta’ mġieba u hija parafilja. Parafilja hija meta persuna għandha ħsibijiet jew attivitajiet ta’ natura sesswali fuq oġġetti, sitwazzjoni, imġieba u anke fuq individwi.

“Ta’ min nenfasizza li mhux kull min ikollu dawn il-ħsibijiet għandu problema tas-saħħa mentali serja. L-iktar ħaġa komuni għal min ikollu ossessjoni u jewden ħafna hija li ma jkunx jista’ jneħħi dan il-ħsieb. Din ma tikkostitwix parafilja, lanqas żooefilja jew bestjaliżmu. Jekk huwa ħsieb li inti trid tkeċċih, dak huwa ħsieb li huwa ħsieb intrusive, li huwa ossessjoni,” iċċara Dr Xuereb.

Biex iserraħ l-imħuħ ta’ ħafna nies dan il-psikjatra reġa’ tenna li ma jfissirx li min ikollu dawn il-ħsibijiet, għandu problema ta’ mġieba psikoloġika però qal li huwa importanti li wieħed ifittex l-għajnuna għax persuna tista’ verament tidħol fi kriżi u saħansitra tista’ tasal għas-suwiċidju. Dan minħabba li xi drabi, persuna ma tkunx tista’ tirrikonċilja l-valuri etiċi, soċjo kulturali u reliġjużi tagħha mal-ħsibijiet li jkollha u allura jkun hemm konflitt. 

Kawżi tal-parafilja:

– Problemi tal-kimika, jiġifieri żbilanċ tal-melħ fil-ġisem;

– Tumur fil-moħħ;

– Żbilanċ ormonali;

Learning/intellectual disabilities; u

– Kultura. 

Fatturi oħra li ma jgħinux huma d-droga, l-alkoħol, skizzoferinija u mard mentali ieħor. Dr Mark Xuereb enfasizza li lil dawn in-nies m’għandniex niġġudikawhom iżda, ngħinuhom. “Nikkundannaw l-att u mhux lill-persuna għax nimmaġinaw dik l-omm jew dik persuna li taf li binha tagħmel dawn l-affarijiet. Importanti li ngħinu biex ngħixu f’soċjetà aħjar,” temm dan il-psikjatra.

NOTA: Dawn il-persuni jkollhom kriżi kbira u jbatu ħafna. Il-ħafna ħsibijiet li jkollhom jistgħu jwassluhom għas-suwiċidju jew is-self harm u min qiegħed ibati għandu jagħmel kuntatt mal-Crisis Resolution Malta 24/7 fuq 9933 9966 jew inkella fuq il-paġna tal-Facebook tagħhom.

Sport