Tuesday, April 16, 2024

Skema għar-rifużjoni tal-kirja għas-self-employed u negozji

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri nieda l-iskema tar-rifużjoni tal-kera għas-Self-Employed u Negozji bħala parti mill-Pjan għar-Riġenerazzjoni tal-Ekonomija. L-għan tal-iskema huwa li jnaqqas l-ispejjeż għas-self-employed u negozji, li tappoġġja l-operat marbut mal-ispiża għan-negozji li kellhom jagħlqu jew jillimitaw l-operat tagħhom minħabba l-pandemija kif ukoll li jkunu ssalvagwardjati l-impjiegi u negozji. 

“Iżjed importanti minn hekk hu li din l-iskema hija speċifikament immirata lejn dawk in-negozji żgħar li għandhom ħanut wieħed u li se jkunu qed jibbenefikaw minn ammont sostanzjali ta’ €2,500, jiġifieri l-massimu ta’ din il-kategorija. Dawn in-negozji jistgħu jitolbu din ir-rifużjoni tal-kera fuq numru ta’ xhur matul is-sena kollha sakemm jieħdu l-ammont massimu” qal il-Ministru Schembri. 

Huwa żied jgħid li permezz tal-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija, bħala Gvern, rajna li nagħtu għajnuna lin-negozji u self-employed sabiex ikunu f’pożizzjoni li jindirizzaw esiġenzi u sfidi biex b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom. Għaldaqstant, ġie allokat budget ta’ €45 miljun li se jkun qed jappoġġja lil aktar minn 16,000 self-employed u negozju. 

L-iskema tkopri lil dawk in-negozji kollha li qed jibbenefikaw mill-Covid Wage Supplement, għall-inkwilini u mhux għas-sidien u għal ftehim ta’ kirja li jkopru s-sena 2020.

Bħala parti mill-kriterja ta’ eliġibilità, l-iskema se tkopri ftehim ta’ kirja li jkun daħal fis-seħħ qabel id-9 ta’ Marzu 2020 u li huma ta’ natura kummerċjali. Għal proprejtà kummerċjali biex tkun eliġibli għall-iskema importanti li l-kirja tkun qed issir mis-settur privat, jiġifieri minn partijiet terzi u li speċifikament tinkuża għal attivitajiet kummerċjali.

Kien spjegat li self-employed u negozji b’ħanut wieħed jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €2,500 filwaqt li negozji b’ħamest iħwienet jistgħu jibbenefikaw sa €7,500.

Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise qal li fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, l-korporazzjoni diġà bagħtet email inizjali lil aktar minn 16,000 negozju u self-employed biex jibbenefikaw mill-iskema tar-rifużjoni tal-elettriku.

Bl-istess mod, fid-9 ta’ Settembru, n-negozji u self-employed li qed jibbenefikaw mill-Covid Wage Supplement se jkunu qed jirċievu email inizjali li tigwidahom tul il-proċess tal-applikazzjoni online. 

L-applikanti għandhom idaħħlu kopja tal-ftehim tal-kera, prova tal-aħħar pagament (li għandu jkopru parti jew l-pagament kollu għall-2020), The Enterprise in Difficulty Declaration form – iffirmata u scannjata u Aid Received Form – iffirmata u scannjata 

Farrugia spjega li wara dan, il-Malta Enterprise tipproċedi effettivament bi ħlas ta’ rifużjoni direttament lin-negozji, filwaqt li rrimarka li għall-iskema tal-kera l-applikazzjonijiet se jkunu pproċessati b’mod manwali. 

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja Business First billi jċempel 144 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju jew billi jibgħat email fuq [email protected]. Jista’ wkoll iżur is-sit regeneration.maltaenterprise.com jew www.maltaenterprise.com 

Ekonomija

Sport