Sunday, November 24, 2024

Importatur jisħaq li wħud mill-prodotti se jogħlew b’madwar 20 sa 30 fil-mija…

Il-prezz tal-ħaxix u l-frott…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’intervista li dan il-ġurnal għamel ma’ bejjiegħ lokali ta’ ħaxix u frott tqajmet il-probabbiltà li l-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli mistennija jogħlew u dan kawża ta’ skarsezza. Dan il-bejjiegħ kien ukoll tkellem dwar il-fatt li minkejja li l-prodott Malti huwa itjeb minn dak ta’ barra, dan qiegħed jiffaċċja kompetizzjoni kbira minn prodotti agrikoli importati li jiġu fi kwantitajiet akbar u sussegwentement bi prezz irħas minn dak lokali.

Bil-għan li nieħdu stampa aktar wiesgħa IT-TORĊA tkellem ma’ importatur barrani ta’ ħaxix u frott li l-ħobża ta’ kuljum tiegħu jaqlagħha proprju b’kompetizzjoni diretta mal-prodott Malti. Filwaqt li anke dan l-importatur iħoss li l-prezz tal-ħaxix u l-frott f’dawn il-ġimgħat se jogħlew minħabba skarsezza, qalilna li l-prezzijiet tal-ilma u tal-elettriku għolew ukoll u għaldaqstant “żgur li dan se jgħolli l-prezz ta’ wħud mill-prodotti agrikoli b’madwar 20 sa 30 fil-mija”.

“Infetħu ħafna supermarkets barranin… B’kuntratti diretti”

Rigward il-kwistjoni tal-prezz ta’ prodott agrikolu Malti jkun aktar għoli minn dak li jiġi minn barra, dan l-importatur spjega li r-raġuni ewlenija hija dik li nfetħu ħafna supermarkets barranin. “Għaldaqstant, illum il-ġurnata l-konsumatur imur jixtri minn dawn l-istabbilimenti kbar u jixtru prodotti barranin. Qabel ma tantx kien hawn ħafna supermarkets bħal dawn u l-prodott agrikolu Malti kien jinbigħ iżjed. Issa f’Malta hawn supermarkets kbar Germaniżi u Taljani. Dawn għandhom il-kuntratti diretti ma’ dawn il-pajjiżi u jimpurtaw il-frott u l-ħaxix minn fost l-oħrajn l-Italja,” elabora dan l-importatur barrani.

Min-naħa tiegħu huwa ppuntwalizza li l-prodott ta’ barra pjuttost xorta waħda bħala prezz jiġi għoli. Dan minħabba l-ispejjeż tat-trasport fejn speċifika li konsenja bi trakk bil-vapur tiswihom €1,200. Qal li, “hemm diġà wieħed irid iżid mal-15% tal-prezz meta jiġi biex ibigħ. Nagħtik eżempju bil-larinġ għax jekk din tiswa €1, trid tikkalkula dak l-€1 u €1.15 oħra. Il-katina tkompli bil-qligħ ta’ dak li jixtri bl-ingrossa, il-ħanut irid jerġa’ jbigħu bi qligħ u għand il-konsumatur jasal bil-prezz ta’ €2.50. Huwa minnu li jagħmlu ħafna profitt u nħoss li dan mhuwiex ġust”.

Mistoqsi għala xorta waħda l-prodotti agrikoli lokali huma aktar għoljin fil-prezz minn dawk barranin, huwa qal li dak ta’ barra jiswa inqas minħabba li għandna inqas prodott lokali bħala kwantità. “Allura normali li jekk bidwi għandu ftit prodott, jgħolli l-prezz u hekk għandu jkun. Iż-żejt lokali jiswa aktar minħabba li hawn jipproduċu ftit… xi elf litru mentri, fi Sqallija jagħmlu maż-żewġ miljun litru. Għandhom il-kwantità u allura jistgħu jraħħsu l-prezz”.

Skont dan l-importatur il-prezz tal-prodotti lokali l-aktar li jiżdied huwa minħabba li tal-ħwienet japprofittaw. “Mir-raħħala jew fil-pitkalija l-prezz huwa baxx ħafna imma meta l-prodott imur fil-ħwienet, il-prezzijiet jogħlew b’aktar milli huwa ġustifikat,” insista dan l-importatur.

Il-ħamrija ta’ Malta tkabbar ħaxix u frott bnin

Hawn dħalna aktar fid-dettal fejn staqsejna dwar id-differenza fil-kwalità bejn il-prodott Malti u dak li jinġieb barra. Fl-opinjoni tiegħu, “il-kwalità hija kważi l-istess. Imma nikkonferma li l-kwalità tal-frott u l-ħaxix Malti hija tajba ħafna. Huwa ftit iżgħar għax huwa maħdum differenti minn tagħna fejn nużaw aktar fertilizzant u ilma. Però, bħala togħma, dak lokali għax għandu art tajba bħal Sqallija. Rajt li l-ħamrija t’hawn Malta hija ħamra u din tkabbar ħaxix u frott bnin”.

Staqsejnih ukoll jekk huwiex minnu li l-prodotti agrikoli barranin huma “superfiċjali” minħabba li huma sbieħ fil-għajn tant li jidhru “perfetti”. Dwar ħaxix u frott ta’ dan it-tip dan l-importatur infurmana li dawn ikunu ġejjin mill-Olanda u jitkabbru fis-serer. “Dawn ma jkollhomx id-dawl tax-xemx. Ikollhom dawl artifiċjali u l-prodott ma jikbirx kif jikber fin-natura bil-vitamina D mix-xemx jew ilma ġieri tajjeb. Dawn ma jkunux daqstant tajbin fit-togħma bħal ta’ Malta. Fl-Olanda m’għandhomx il-klima biex jipproduċu frott u ħaxix tajjeb. Anke ta’ Spanja u tal-Italja huma aħjar minn dawk tal-Olanda għax jikbru fix-xemx is-sena kollha. Allura, il-frott u l-ħaxix ikunu itjeb,” kompla l-importatur.

Huwa li l-aktar li jimporta ħaxix u frott minn Spanja, mill-Italja u mill-Amerika t’Isfel temm jgħid li jinsab imħasseb li l-prodott Malti se jbati mill-kompetizzjoni tas-suq barrani. “Diġà hemm problema ta’ spazju u bil-kostruzzjoni li għaddejja bħalisssa f’Malta, l-art agrikola se tkompli tonqos. Imma problema kbira oħra hija dik li l-bdiewa huma kollha anzjani. M’għandniex nara żgħażagħ interessati jidħu f’dan is-settur. Ma nara ebda raħħal żgħażugħ għax meta mmur fis-suq, nara biss anzjani. L-iżgħar fosthomm huma ftit ta’ bejn il-45 u 50 sena. Allura ħadd ma jmur fl-għelieqi jkabbar il-prodott lokali ħlief dawk il-barranin li jqabbduhom biex jgħinuhom. Hawn nara problenma,” temm dan l-importatur ta’ ħaxix u frott minn barra minn Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport