Monday, December 9, 2024

MAFA: Valletta St Paul’s waħedhom fl-ewwel post

Aqra wkoll

Iċ-champions Valletta St Paul’s telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Balluta Barracudas 3-2.

Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima meta l-Beltin skorjaw żewġ gowls filwaqt li żiedu ieħor fit-tieni taqsima għalkemm l-avversarji tagħhom dejjem baqgħu jissieltu sal-aħħar.

Ejike Andrew Obetta poġġa lill-Beltin minn fuq fit-8 minuta sabiex Ian Zammit irdoppja l-iskor fis-27 minuta. Balluta naqqsu l-marġni tal-iskor minn Matthew Tortell fit-28 minuta.

Minuta wara Obetta għaqqad doppjetta personali meta skorja t-tielet wieħed għat-tim mill-kapitali minn penalty sabiex l-ewwel taqsima għalqet 3-1.

Fit-tieni taqsima, is-St Paul’s amministraw il-logħba għalkemm il-Cudas sabu l-ħin li jiskorjaw it-tieni gowl tagħhom minn Timmy Zammit Lupi.

Referee kien Lorry Sammut.

San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun hekk kif għelbu lil Mqabba Albions.

L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata b’San Ġwann li kellhom ħafna mill-pussess iżda bi Mqabba li kienu qed jikkontrollaw tajjeb għalkemm sfaw gowl minn taħt permezz ta’ Moise Bidi Kizayamoko.

Fit-tieni taqsima, l-istudenti Franċiżi ħarġu ferm aggressivi b’Moise Bidi Kizayamoko li għaqqad doppjetta personali u b’Michael Di Lorenzo, Antoine Crozemary u Tom Riandet li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Referee kien Jean Pierre Sammut.

Fit-tieni diviżjoni. Valletta Stars St Dominic laħqu lil Senglea Gunners f’ras il-klassifika wara skor kbir ta’ 4-0 kontra Gudja Wanderers.

Protagonisti għall-Beltin kienu Miguel Perez Jimenez u Federico Tejada Marine li skorjaw doppjetta kull wieħed fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin ikkontrollaw is-sitwazzjoni sabiex kisbu t-tielet rebħa staġjonali.

Referee kien Karl Stefan Galea.

F’logħba oħra Żebbuġ Youngsters u Birżebbuġa St Peter’s spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Kien Luke Cachia li poġġa liż-Żebbuġin minn fuq bi freekick pinġut li ħasad lill-goalkeeper avversarju.

Fit-tieni taqsima, Birżebbuġa ġabu l-iskor indaqs fis-56 minuta permezz ta’ Junior Ohalewe.

Referee kien David Cilia.

Swieqi United AFC komplew jiddominaw il-kampjonat tat-tielet diviżjoni wara skor ieħor kbir ta’ 8-2 kontra St Paul’s Bay NMFC.

It-tim minn Swieqi għandu punti massimi fejn saħansitra diġa’ skorjaw 24 gowl f’erba’ logħbiet.

Arthur Felippe Stelmach Santana skorja tliet gowls filwaqt li Jubril Bolaji Mustapha, David Taiwo Akindele, Adigun Azeez Ogundepo u Aiezza Calilo Joao Victor żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.

St Paul’s Bay kellhom lil Din Jamir Miya u Bishal Khawish li naqqsu l-marġni tal-iskor.

Referee kien Thomas Debono.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s 12, Għaxaq Wolves 10, Marsa St Michael’s 7, Balluta Barracudas 6, San Ġwann Pro Evolution Academy 4, San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic , Senglea Gunners 7, Attard Edex Kings , Birżebbuġa St Peter’s AFC 6, Żebbuġ Youngsters 5, Ħamrun Amateurs 4, Gudja Wanderers 3, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 12, Qajjenza AFC 4, Naxxar Victorians 2, St Paul’s Bay NMFC, Mosta Vikings 0.

Ekonomija

Sport