Monday, December 9, 2024

Settur tal-gaming li qed ikompli jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ Malta

Aqra wkoll

Mil-lum sal-Ħamis li ġej, pajjiżna se jospita wieħed mill-akbar avvenimenti fl-industrija tal-iGaming u teknoloġiji innovattivi oħra – is-SiGMA Europe 2024. Avveniment li dieħel fl-10 edizzjoni tiegħu u li din is-sena mistenni jkun l-akbar wieħed li qatt ittella’ sa issa – b’aktar minn 1,000 esebitur u 27,000 delegat li mistennija jattendu.

Imma forsi wieħed jistaqsi: għalfejn SiGMA u x’se niggwadanjaw minnha bħala pajjiż? Qabel xejn, il-fatt li din il-fiera, li hija waħda mill-akbar li jiġu organizzati fl-industrija tal-gaming madwar id-dinja kollha, għal darba oħra se ssir f’pajjiżna, turi kemm Malta qed isservi ta’ ċentru ta’ eċċellenza għad-dinja f’din l-industrija.

Barra minn hekk, hija xhieda wkoll tal-fiduċja li għandhom f’Malta l-kumpaniji tal-gaming. Kuntrarju għall-biża’ jew kritika li jipprovaw iwasslu xi wħud illi dan is-settur qed imajna jew li l-kumpaniji qegħdin jitilqu mill-pajjiż. Dan huwa settur li qed ikompli jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija ta’ Malta, b’valur miżjud ta’ 7% tal-PDG u 16,428 impjieg sal-aħħar tal-2023.

Ta’ min isemmi li kien proprju dan il-Gvern li fetaħ il-bibien beraħ biex inizjattiva ta’ din ix-xorta kompliet tikber minn waħda għas-suq lokali, għal waħda għas-suq mondjali.

Fl-istess waqt, hija attività ekonomika importanti ħafna għal pajjiżna b’mod partikolari tant hu hekk li nistgħu ngħidu li tkopri għall-attività turistika għax-xahar ta’ Novembru, fejn qabel dan ix-xahar kien wieħed kajman u llum il-ġurnata huwa wieħed mill-aktar attiv fl-industrija tal-bars, ristoranti u lukandi.

Għalhekk naqblu ma’ dak li stqarr il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri li huwa importanti li kemm jista’ jkun attività ta’ din il-portata tibqa’ sseħħ f’pajjiżna għaliex filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-eko-sistema tal-industrija tal-gaming f’Malta, ikollha ripple effect fuq ħafna aktar kumpaniji Maltin u Għawdxin.

Min-naħa l-oħra, b’sodisfazzjon ninnutaw li se jkunu qegħdin isiru arranġamenti tat-traffiku għal min irid jaċċessa SiGMA 2024 b’mezzi tat-trasport differenti. Kordinazzjoni aħjar f’dan ir-rigward tgħin biex ma jkunx affettwat l-influss tat-traffiku f’dawk l-inħawi.

Ekonomija

Sport