Monday, December 23, 2024

“Impressjonat bil-ġenerożità tal-poplu” – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt intervista li kellu llejla l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela qal li huwa jinsab impressjonat bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. Abela qal dan fid-dawl tal-inizjattiva li martu Lydia Abela nediet biex kull tifel u tifla li huwa inqas ixxurtjat minn tfal oħra jkollhom rigal x’jiftħu dan il-Milied u biex b’hekk dawn it-tfal ukoll ikollhom tbissima fuq wiċċhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qiegħed jirrispondi l-mistoqsijiet ta’ numru ta’ tfal fuq il-programm Popolin. Mistoqsi x’kienet l-iktar deċiżjoni iebsa kemm ilu Prim Ministru, Abela semma’ l-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-għeluq tal-istabbilimenti u tal-iskejjel f’nofs pandemija. Il-Prim Ministru semma kif minkejja s-sena diffiċli li kellna, il-qgħad reġa’ jinsab l-istess bħalma kien f’Marzu li għadda, proprju qabel ma bdiet l-imxija COVID-19 f’pajjiżna.

Rigward il-vaċċin, il-Prim Ministru qal li preżentament hemm pjan ħolistiku li jara li kull ċittadin Malti u Għawdxi se jkun jista’ jitlaqqam għall-COVID-19. Dan il-pjan jibda fis-27 ta’ Diċembru, jiġifieri l-Ħadd li ġej. B’ottimiżmu, il-Prim Ministru qal li sa Mejju pajjiżna se jkun qed jerġa’ jibda jirreġistra l-istess numri pożittivi bħalma kien qiegħed jagħmel qabel il-COVID-19. “It-turiżmu mhux se jerġa’ jikseb l-istess numri imma rridu naraw li n-numri fit-turiżmu jibdew jiċċaqalqu”.

Ekonomija

Sport