Saturday, December 21, 2024

Imtella’ konferenza mill-Fondazzjoni RISe li ġiet iffinanzjata minn fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat

Aqra wkoll

Ġiet imtella’ konferenza organizzata mill-Fondazzjoni RISe, immirata biex iżżid l-għarfien dwar l-użu ta’ strateġiji terapewtiċi alternattivi għal individwi li jxellfu difrejhom mal-ġustizzja, bħal djar ta’ detenzjoni. Sistemi bħal dawn joffru modi effettivi għar-rijabilitazzjoni u r-rintegrazzjoni ta’ priġunieri. Din il-konferenza ġiet iffinanzjata mill-iSmall Initiative Support Scheme (SIS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Indirizzaw din il-konferenza l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.

Il-Fondazzjoni RISe stiednet ukoll żewġ esperti internazzjonali sabiex jiddiskutu dan is-suġġett ħalli jipprovdu għarfien minn mudelli li kisbu suċċess madwar id-dinja. Dawn kienu l-Professur David Edward Rose mill-Università ta’ Newcastle (UK) u Hans Claus, Kriminoloġista u Direttur ta’ ħabs f’Oudenaarde fil-Belġju. Tkellmu wkoll żewġ membri tal-Fondazzjoni RISe sabiex jispjegaw aħjar il-ħsieb wara dan il-kunċett.

Il-Ministru Julia Farrugia Farrugia Portelli faħħret l-inizjattiva tar-RISe biex organizzat din il-konferenza fuq dan is-suġġett. “Huwa ta’ sodisfazzjon kif l-għaqdiet volontarji ta’ madwarna qed jamministraw il-fondi mogħtija lilhom biex jindirizzaw temi bħal dawn. Inħares ’il quddiem biex l-eżitu ta’ din il-konferenza nistħarrġuh bir-reqqa,” stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif fl-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri sabiex ikun hemm aktar enfasi fuq rijabalitazzjoni waqt li persuna tkun qed isservi sentenza ta’ priġunerija. Dan seta’ jsir kemm permezz ta’ diversi miżuri li ttieħdu fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, ġewwa l-ħabs stess, kif ukoll barra l-ħabs inkluż bi sħab ma’ diversi entitajiet oħrajn. Huwa spjega kif sar investiment kemm fil-kura medika u kemm permezz ta’ diversi professjonisti li jaħdmu għar-rijabilitazzjoni ma’ dawn il-persuni kuljum. Dan permezz ta’ pjan ta’ kura skont il-ħtiġijiet individwali biex ladarba joħroġ mill-ħabs ikun persuna rijabilitata u jkollu l-kapaċità li jintegra lura fis-soċjetà. Dan fl-istess ħin li kontinwament issir ħidma sabiex jibqa’ ħabs ħieles mid-droga, għaliex l-ebda rijabilitazzjoni ma tista’ tkun mibnija fuq il-vizzji.

Il-Ministru Camilleri spjega kif il-Ministeru jaħdem id f’id ma’ diversi entitajiet oħrajn, fostom il-Fondazzjoni RISe li tmexxi half-way house, għal dawk il-persuni li jkunu waslu lejn l-aħħar tas-sentenza tagħhom sabiex ikunu preparati aħjar biex jirritornaw lura fis-soċjetà. Dan flimkien ma’ programmi ta’ rijabilitazzjoni oħra inkluż dawk iffukati fuq id-droga u l-vizzji.

“Bħalissa joperaw żewġ halfway houses u daqt ser tibda’ topera it-tielet half-way house, li bil-kollaborazzjoni tar-RISe, se takkomoda nisa biss. Din se tkun l-ewwel waħda li qatt kien hawn f’pajjiżna, fejn il-focus ikun b’mod totali r-rijabilitazzjoni ta’ dawn il-persuni”, qal il-Ministru Camilleri fejn spjega wkoll kif jinsabu fi stadju avvanzat il-preparamenti sabiex f’pajjiżna jkun introdott l-electronic tagging.

Il-ko-fundatur u Chairperson ta’ Fondazzjoni RISe, Charlie Mifsud, stqarr li “Konferenzi bħal dawn jenfasizzaw l-importanza li nestendu l-parametri tal-Ġustizzja Riparattiċi. Mod effettiv ta’ kif jista’ jsir dan huwa permezz ta’ djar ta’ detenzjoni. Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet inizjali fost l-istakeholders mistiedna jistgħu jwasslu sabiex possibbilment inwittu t-triq flimkien għall-implimentazzjoni fil-futur.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo nnota u enfasizza l-varjetà ta’ proġetti u għaqdiet li jibbenefikaw mill-fondi tal-Kunsill u awgura lil Fondazzjoni RISe kull suċċess fil-proġetti tagħhom, partikolarment dawk iffinanzjati mill-Kunsill.

Ekonomija

Sport