Wednesday, July 17, 2024

X’JGĦAQQAD?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-bnedmin kollha għandhom l-istess dehra fiżikament u l-istess bżonnijiet materjali u soċjali. Dawn juruhom bħala parti mill-istess speċje ta’ annimali u bilfors — jew hekk suppost —  iressquhom lejn drawwiet u imġiba simili. Imma bl-ebda mod ma jindikaw li l-bnedmin se jkunu magħquda, jew juru kif jistgħu jżommu magħqudin, meta jiġu biex jgħixu flimkien fl-istess komunità.

X’inhu li jgħaqqad lin-nies? Il-parentela? Is-sess? Il-ġens, l-ilsien? It-tfulija flimkien, ż-żogħżija, ix-xjuħija? It-twemmin?

L-għaqda ta’ bejn il-bnedmin hi suġġett affaxxinanti. Matul is-sekli, kien hemm gżuż ta’ nies li kienu lesti jagħmlu l-aqwa sagrifiċċju — ta’ ħajjithom — biex iħarsu l-għaqda anke meta kienu jafu li huma mhumiex se jkunu jistgħu jgawduha aktar.

Bilfors li fil-bniedem hemm il-fehma li mingħajr l-għaqda mal-bnedmin ta’ madwar, l-ħajja ma tistax tingħex tajjeb, la mill-individwu u lanqas mill-kotra. Għalkemm bhejjem oħra donnhom huma tal-istess konvinzjoni, ħadd daqs il-bniedem ma wassalha daqstant bogħod. Mhux fl-istqarrija u fil-ħarsien tal-għaqda, daqskemm ukoll fit-tradiment tagħha.

SOĊJALIŻMU

Aktar ma jgħaddu s-snin, aktar l-impenn għas-soċjaliżmu baqa’ jinħall f’tifsiriet u strateġiji li għamluh aktar vag u anqas sod f’għanijietu. B’mod skjett, dawn kienu fil-bidu nett tagħhom indirizzati lejn il-ħarsien tal-interessi tal-ħaddiema. Fiż-żmien huma kienu jikkostitwixxu s-saff li b’ħidmietu l-aktar li kkontribwixxa għall-ħolqien tal-ġid materjali fis-soċjetà u l-anqas li spiċċa jgawdi minnu.

Is-soċjaliżmu kellu suċċessi bit-twettiq tal-għanijiet tiegħu għalkemm baqa’ bogħod milli jirnexxi daqs kemm xtaq. U mas-snin daħlu kompromessi fil-politika soċjalista li kienu maħsuba biex jakkomodaw il-bidliet soċjali u teknoloġiċi li seħħew fis-soċjetajiet tal-Ewropa u tal-Istati Uniti. L-aħħar kompromess kbir kien dak imwettaq minn Tony Blair u ħbiebu. Kien iffokat fuq kif u kemm se jiġbed il-voti lejn il-kawża tal-ħaddiema akkost ta’ kollox. 

F’dan irnexxielu. Imma s-soċjaliżmu baqa’ soċjaliżmu?

KIF TAGĦLAQ ĦANUT

F’dawn il-ġranet, il-ħidma tiegħi ippernjat l-aktar fuq kif se ntemm l-attivitajiet mill-uffiċċji li żammejt fl-aħħar għaxar snin fi Brussell u f’Malta. Kienet esperjenza ġdida għax sal-lum, kull meta tlaqt minn kariga jew ħallejt xi uffiċċju, dejjem kien se jkun hemm min fiżikament jidħol biex imexxih hu/hi.

Did-darba mhux hekk. Sirt naf x’jiġri meta qed tagħlaq ħanut, speċjalment meta tiġi biex tbattlu mill-għamara. F’dal-każ,  l-ammont ta’ karti u gazzetti li kienu nġemgħu matul is-snin kien straordinarju. Tiġik it-tentazzjoni tipprova tara x’jaqbel li żżomm minnhom, sakemm tintebaħ li dik il-ħidma tirrekjedi ħafna ħin li xejn ma jaqbel titilfu fuqha. Allura tqatta kollox. Bla dubju, karti u dokumenti li messhom inżammu se jkunu għosfru.

Ekonomija

Sport