Fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri żar il-Fiera l-Kbira li qed tittella’ għat-tmien darba f’Montekristo. Din il-fiera saret appuntament annwali fil-kalendarju tas-sajf Malti.
Waqt din l-edizzjoni wieħed jista’ jara ’l fuq minn mitt esebitur fejn dawn joffru servizzi u prodotti f’setturi diversi. “Il-varjetà ta’ prodotti li nsibu hawn juru d-diversifikazzjoni fis-swieq tagħna. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet qed inżommu ħaj il-kuntatt bejn il-bejjiegħa u l-konsumaturi, filwaqt li nżommu miftuħ id-djalogu bejn in-negozjanti,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Fiera l-Kbira tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 7 ta’ Lulju mis-6pm ’l quddiem, fejn il-parkeġġ hu bla ħlas ukoll.