Minn żviluppi li saru fl-aħħar sigħat huwa kkonfermat li t-tifel ta’ sitt snin li kien qed jiġi rikoverat l-isptar wara li waqa’ fi xmara tas-silġ f’Birmingham miet ilbieraħ waranofsinhar.
Il-każ seħħ f’Babbs Mill Park nhar il-Ħadd li għadda. F’din l-istess traġedja tilfu ħajjithom tliet subien oħra fl-età ta’ 11, 10 u 8 snin.
Fil-post tal-inċident tħallew munzell fjuri li tpoġġew mit-tobba u l-infermiera, mill-politikanti, u minn xi ħbieb u qraba tat-tfal. Ammont sostanzjali mill-bukketti tal-fjuri kellhom biljett indirizzat lil Jack Johnson – it-tifel ta’ 10 snin li apparantament skont iz-zitu, Charlotte McIlmurray, qabeż fix-xmara biex jipprova jsalva lit-tliet subien l-oħra.