Monday, February 9, 2026

Imut l-aħħar Ġiżwita Malti fl-Indja … serva bħal missjunarju għal 72 sena sħaħ

Aqra wkoll

Il-Parroċċa tas-Siġġiewi ssellem il-memorja għażiża ta’ Fr Paul Aquilina SJ mis-Siġġiewi li miet il-Ħadd 8 ta’ Frar 206 l-Indja fejn serva bħal missjunarju għal 72 sena sħaħ. Kondoljanzi lill-familarji tiegħu u l-sħabu tal-Kumpanija ta’ Ġesù. Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Fr Paul Aquilina twieled fil-31 ta’ Jannar 1932, fis-Siġġiewi minn Anthony Aquilina u Maria Assunta mwielda Scicluna. Huwa kien it-tielet wild minn tnax tal-koppja Aquilina, ħames bniet u seba’ subien. Waħda minn ħutu l-bniet hija soru Franġiskana tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Brażil, Sr Theodora Aquilina.

Fr Paul daħal Ġiżwita fit-2 ta’ Ottubru 1951 u ħa l-ewwel voti f’Dar Loyola n-Naxxar fit-3 ta’ Ottubru 1953. Huwa mar l-Indja fl-1954 fejn bejn l-1956 u l-1959 studja l-filosofija f’Shambaganur l-Indja. Wara bejn l-1959 u l-1961 għamel esperjenza f’St. Xavier’s Sahibganj u Tinpahar. Studja t-Teoloġija fil-Kulleġġ De Nobili f’Poona l-Indja bejn l-1961 u l-1965.

Fr Paul irċieva l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu fil-Kulleġġ De Nobili fit-18 ta’ Marzu 1964. Aktar tard ġie Malta fejn iċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament lejlet il-festa liturġika ta’ San Nikola ta’ Bari fil-5 ta’ Diċembru 1964 fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi.

Lura l-Indja kompla l-aħħar fażi tan-novizzjat f’La Providence, Kodailkanal, l-Indja sal-1968. Huwa rċieva l-aħħar voti f’Loyola House in- Naxxar fit-2 ta’ Frar 1969. Dakinhar Patri Ġużè Delia Ġiżwit u poeta magħruf mis-Siġġiewi kitiblu poeżija mill-isbaħ għal din l-okkażjoni li ġiet ippublikata fir-rivista tal-Ġiżwiti, Il-Ħbiebna.

Bejn l-1965 u l-1976 Fr Paul serva bħala saċerdot f’Dudhani u bejn l-1976 u l-1996 kien jagħti taħriġ lill-katekisti f’Torai. Kien superjur tal-komunità f’Sahibganj bejn l-1986 u l-1996 u konsultur tal-Provinċja f’Jisu Jaher bejn 1992 u l-2003. Bejn l-1997 u s-sena 2000 inħatar direttur tar-rivista ta’ kull xahar Marsaltabon f’Isu Jaher. Bejn l-1997 u l-2003 kien segretarju tal-Provincjal u ammonitur f’Jisu Jaher u segretarju tal-Provinċjal u arkivista f’Jisu Jaher bejn l-2003 u l-2015. Fl-2015 sar segretarju tal-Provinċja u arkivista f’Jisu Jaher.

F’Marzu 2025, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, żar lil Fr Paul waqt iż-żjara tiegħu l-Indja fejn attenda għaċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena mill-ħidma tal-Ġiżwiti Maltin f’dan il-pajjiż. L-Isqof Galea-Curmi kien qal li dawn il-patrijiet “taw ħajjithom kollha u spiċċaw mietu hawnhekk… anki li taħseb il-biċċa xogħol biex dawn il-Maltin waslu sal-Indja dak iż-żmien, id-diffikultà u s-sagrifiċċju – ma kellhomx mezzi imma dejjem taw prijorità li jħabbru l-Evanġelju u jagħtu l-edukazzjoni, jibnu sptarijiet u kliniċi għan-nies u jgħinuhom biex jikbru u jieħdu r-responsabbiltà fil-ħajja tagħhom.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport