Tuesday, December 24, 2024

Imut l-attur ta’ ‘Friends’ Matthew Perry fl-età ta’ 54 sena

Aqra wkoll

L-attur Amerikan Matthew Perry, magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni ta’ Changler Bing fis-sensiela popolari televiżiva tas-snin disgħin ‘Friends’, miet fl-età ta’ 54 sena. Huwa nstab mejjet fir-residenza tiegħu f’Los Angeles.

Is-sensiela ‘Friends’ bdiet tixxandar fl-1994 u baqgħet għaddejja sal-2004. L-aħħar episodju ta’ dan is-sitcom Amerikan kienu rawh aktar minn 52 miljun ruħ fl-Istati Uniti, biex b’hekk kien l-aktar episodju televiżiv segwit tas-snin 2000.

Warner Bros TV, li pproduċiet Friends, qalet li jinsabu xxokkjati bl-aħbar tat-telfa ta’ Perry. “Matthew kien attur b’talent kbir. L-impatt tiegħu nħass madwar id-dinja kollha u l-legat tiegħu se jibqa’ jgħix fil-qlub ta’ ħafna segwaċi tiegħu.” 

Perry twieled f’Massachusetts fl-1969 iżda għex u trabba f’Ottawa, il-Kanada, fejn attenda l-iskola elementari ma’ Justin Trudeau, li eventwalment sar il-Prim Ministru Kanadiż. 

Meta kienu għadu żagħżugħ, Perry mar Los Angeles fejn hemmhekk ħadem il-parti ta’ Chazz Russell f’Boys Will Be Boys u kellu wkoll rwoli f’sitcoms oħra fosthom Growing Pains. 

Huwa iżda jibqa’ famuż l-aktar għall-karattru li interpreta fi ‘Friends’, li flimkien ma’ Jennifer Aniston, Courteney Cox, Davis Schwimmer, Matt LeBlanc u Lisa Kudrow, sar wieħed mill-aktar sitcoms segwiti ta’ kull żmien.

Ekonomija

Sport