Thursday, May 2, 2024

Irrestawrati sitt artifatti storiċi fil-qalba ta’ Ħal Safi permezz ta’ fondi tal-aġenzija LESA

Aqra wkoll

Sitt artifatti li jinsabu fit-toroq tal-qalba tar-raħal ta’ Ħal Safi ġew irrestawrati permezz ta’ fondi mill-aġenzija LESA. Dawn l-artifatti jikkonsistu f’Salib tad-Dejma li jmur lura għas-seklu 17 kif ukoll ħames statwi u niċeċ; tal-Immakulata Kunċizzjoni, ta’ San Pawl, ta’ San Ġużepp, tad-Duluri u ta’ San Ġwann, li jinsabu mifruxa madwar it-toroq ta’ dan ir-raħal.

Fi żjara li għamlu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, intqal li dan ir-restawr seta’ jsir biss bil-għajnuna tal-aġenzija LESA li kulma jmur qed tkompli tinvesti fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johan Mula, u l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija LESA, Svetlick Flores.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li din l-aġenzija qed tkompli tvarja l-proġetti tagħha, minn dawk ta’ servizz għall-komunità, għal spazji miftuħa u anke restawr ta’ wirt kulturali kif sar f’Ħal Safi.

“L-aġenzija LESA qed tkompli tinvesti fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna bi sħab mal-kunsilli lokali. F’Ħal Safi, bis-saħħa ta’ fondi mill-aġenzija LESA, ġew irrestawrati mhux biss ħames niċeċ imma anke s-Salib tad-Dejma fiċ-ċentru ta’ dan ir-raħal. Kommessi li nibqgħu ninvestu fil-komunitajiet tagħna permezz tal-fondi tal-aġenzija LESA, fejn mill-flus miġbura mit-taħrikiet igawdu r-residenti u l-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-kunsilli lokali qed jibbenefikaw minn fondi addizzjonali li qed jissarrfu fi proġetti diversi skont il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom.

“Huwa obbligu tagħna li naraw li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jiġi ppreservat sabiex jibqa’ jkun apprezzat minn ġenerazzjonijiet futuri” saħqet is-segretarju parlamentari.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johann Mula, qal li dawn l-artifatti storiċi huma għal qalb ħafna l-poplu Safi u permezz ta’ dan l-investiment, jistgħu jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Intant, il-Perit tal-Proġett, Amanda Degiovanni, spjegat li x-xogħol fuq dawn l-artifatti kien vast, minħabba l-fatt li kemm is-Salib tad-Dejma kif ukoll il-ħames niċeċ u statwi l-oħra wrew modi differenti ta’ deterjorazzjoni u għalhekk l-interventi kienu kemxejn differenti. Hija temmet tgħid li fost il-modi differenti ta’ deterjorazzjoni kien hemm xpakkar tal-ġebla, ħmieġ fuq il-ġebla kif ukoll żebgħa li saret matul iż-żmien.

Sport