Saturday, October 26, 2024

Imut l-Iranjan li għex għal 18-il sena sħaħ fl-ajruport ta’ Pariġi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Iranjan li għex fl-ajruport ta’ Pariġi għal 18-il sena sħaħ, miet fl-aħħar jiem b’kawża naturali. 

Mehran Karimi Nasseri bidel żona żgħira fl-ajruport ta’ Roissy Charles de Gaulle f’daru fl-1988. L-esperjenza tiegħu ispirat il-film tal-2004, The Terminal, li kellu bħala protagonista Tom Hanks. 

Nasseri eventwalment ingħata d-dritt li jgħix fi Franza, iżda spiċċa lura fl-ajruport ftit ġimgħat ilu. Imwieled fl-1945 fil-provinċja Iranjana ta’ Khuzestan, Nasseri kien siefer għall-ewwel darba fl-Ewropa biex ifittex lil ommu. 

Huwa kien ukoll għamel xi żmien jgħix il-Belġju, wara li tkeċċa minn diversi pajjiżi fosthom ir-Renju Unit, l-Olanda u l-Ġermanja talli ma kellux id-dokumenti tal-immigrazzjoni validi. Imbagħad mar Franza, fejn qagħad fit-2F Terminal tal-ajruport.

Bilqiegħda fuq bank imdawwar bi trolleys li kien irnexxielu jakkwista, huwa qatta’ l-ġranet ta’ ħajtu jikteb fuq notebook, jaqra l-kotba u l-gazzetti. 

L-istorja tiegħu ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali u anke ta’ Stephen Spielberg, li dderieġa The Terminal. Wara li nħareġ il-film, il-ġurnalisti marru jitkellmu ma’ dan ir-raġel li ispira film ta’ Hollywood.

Sport