Thursday, March 26, 2026

Imwettqa 82% tal-proposti tal-manifest ‘Malta Flimkien’

“Dan il-Gvern huwa garanzija tal-aqwa futur li jistgħu jaspiraw għalih il-familji Maltin u Għawdxin” - il-Prim Ministru Robert Abela 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kull sfida saħħet fija l-konvinzjoni li jekk wegħedna xi ħaġa, irridu nwettquha u nwettqu saħansitra iżjed minn dak li konna wegħedna. Illum kburi ngħid li wettaqna 82% tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħata rendikont tal-ħidma mwettqa mill-Gvern Laburista fl-aħħar erba’ snin.  

Dr Abela beda biex qal li erba’ snin ilu, huwa kien ressaq quddiem il-poplu, il-manifest Malta Flimkien, l-aktar manifest ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna. Xejn inqas minn 1,000 proposta li l-Prim Ministru wiegħed li jaħdem b’ħiltu u b’saħħtu kollha biex isiru 1,000 kisba ġdida għall-poplu tagħna.

Huwa tenna li tul dawn l-erba’ snin, kompliet tingħata prijorità assoluta lill-familja. Dan sar permezz ta’ żidiet sostanzjali fiċ-Children’s Allowance, tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema u l-ġenituri li qabżu sew dak li kien imwiegħed, kif ukoll permezz ta’ politika soċjali progressiva li tejbet il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Dr Abela semma kif tul dawn l-erba’ snin sar ukoll progress sinifikanti f’oqsma sensittivi u essenzjali għall-ġid tal-familji, fosthom permezz tal-emendi fil-liġi tal-IVF biex aktar persuni jingħataw l-opportunità jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess, it-tisħiħ tas-servizzi f’Għawdex, ir-riforma fil-Qorti tal-Familja, il-ftehimiet kollettivi li tejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema, fost ħafna miżuri oħra.

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif fuq livell ekonomiku, Malta kompliet tikseb riżultati eċċezzjonali. Għall-ewwel darba, il-ġid nazzjonali qabeż il-medja taż-Żona Ewro, filwaqt li pajjiżna issa jinsab fost l-aqwa għaxar ekonomiji fl-Unjoni Ewropea (UE). Malta saret ukoll il-pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad fl-UE u kisbet l-aqwa rata ta’ impjiegi fl-istorja. Dawn huma ċertifikati ċari ta’ ekonomija b’saħħitha li qed taħdem għan-nies.

Din is-saħħa ekonomika ppermettiet lill-Gvern ikompli jkun it-tarka tal-familji u n-negozji. Fl-aħħar erba’ snin, Malta kienet l-uniku pajjiż Ewropew li ma għolliex il-prezz tal-elettriku, tal-fjuwils u tal-gass, b’investiment ta’ kważi biljun ewro biex jinżammu l-prezzijiet stabbli. Barra minn hekk, il-Gvern għandu mal-kwart ta’ biljun ewro allokati biex ikompli joffri serħan il-moħħ u stabbiltà quddiem l-inċertezza internazzjonali.

Huwa qal li mill-2022 sal-ewwel kwart tal-2026, il-Gvern investa aktar minn sitt biljun ewro f’investiment soċjali, filwaqt li kompla jinvesti b’mod qawwi fl-infrastruttura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp sostenibbli tal-gżira Għawdxija.

Fl-istess ħin, il-Gvern qed iħares ’il quddiem b’viżjoni ċara għal pajjiżna. Bil-Viżjoni Malta 2050, il-prijorità issa hija li jinbnew ħiliet ġodda għall-futur. Dan jidher ukoll fl-akbar Budget fl-istorja ta’ pajjiżna, li jinkludi investiment ta’ €100 miljun fl-AI u d-diġitalizzazzjoni, €40 miljun għan-negozji biex itejbu l-pagi, il-ħiliet u jimmodernizzaw l-operat tagħhom, kif ukoll l-akbar pakketti ta’ għajnuna favur l-għalliema, il-letturi, l-istudenti u l-ġenituri.

Dr Abela saħaq li x-xogħol tal-Gvern se jkompli b’pass qawwi fix-xhur li ġejjin, b’numru ta’ proġetti u riformi li ser ikomplu jwettqu l-manifest elettorali, u  li jkomplu jibnu pajjiż aħjar. Fost dawn hemm il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett ta’ Project Green f’Bormla, il-proġett tal-Organic Waste Renewable Energy Generation Plant, skejjel ġodda f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, tliet distribution centres ġodda tal-elettriku, strateġija dwar il-mard rari, infrastruttura ġdida għat-trasport bil-baħar, skwadra ġdida tal-Pulizija f’Paceville, firestation ġdida fil-Magħtab, skema ġdida ta’ enerġija rinnovabbli għall-familji, il-proġett tal-Qorti ta’ Għawdex, kif ukoll riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja u n-negozju, fost l-oħrajn.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dak li nkiseb s’issa huwa biss il-bidu. Dan il-Gvern mhux biss huwa garanzija li l-kisbiet tal-lum se jibqgħu tal-poplu għada u pitgħada, iżda huwa wkoll il-garanzija tal-aqwa futur li jistgħu jaspiraw għalih il-familji Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg elenka erba’ prijoritajiet ewlenin li kiseb dan il-Gvern f’dawn l-erba’ snin – Malta bi stabbiltà għall-familji u n-negozji, Malta reżiljenti għall-isfidi internazzjonali, Malta b’vuċi globali għall-paċi u d-djalogu u Malta li kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni u tikseb fiduċja – għanijiet li jkomplu jibnu fuq dak li stinka għalih l-moviment progressiv u għaqli tal-poplu Malti f’dawn l-aħħar 13-il sena.

Dr Borg tenna li dan jista’ jsir għax il-politika ta’ dan il-Gvern u tal-Prm Ministru, hija waħda ċara u konsistenti. “Nagħtu spazju għad-diplomazija u d-djalogu, naħdmu fuq il-paċi li għandu jkun l-għan aħħari u fuq kollox ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li r-rata mħabbra ta’ twettiq tal-manifest hi prova ċara tal-impenn ma jaqta’ xejn biex dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed. “Dak kollu li fassalna erba’ snin ilu, li wettaqna u qed inwettqu, il-poplu għandu garanzija li jaf li meta jkun hemm wegħdi elettorali, hawn Gvern li jwettaq dak li jwiegħed,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport