Grupp ta’ 60 Kattoliku mxew għal 9 tijiem sħaħ biex ikunu jistgħu jaraw lil Papa Franġisku jasal fil-kapitali Juba fin-Nofsinhar tas-Sudan,
“Saqajja tista’ tgħid li spiċċaw… iżda mhux inħossni għajjiena. Meta l-ispirtu t’Alla jkun miegħek qatt ma tista’ tħossok għajjiena,” qalet NightRose Falea mal-wasal tagħha f’Juba wara 9 tijiem mixi.
Hi kompliet tgħid li ftit li xejn tmur lejn il-kapitali minħabba d-distanza li hemm mid-dar tagħha, iżda kienet qiegħda hemm biex tirċievi l-barka tal-Papa. “Ninsab kunfidenti li bil-barka tiegħu l-affarijiet fil-pajjiż se jinbidlu,” qalet Falea waqt li kienet qed titkellem mal-midja internazzjonali.
Meta ġiet mistoqsija kif il-grupp ta’ 60 persuna mxew għal 9 tijiem sħaħ, Falea qalet li “konna nimxu ħafna kilometri kuljum… imbgħad fl-aħħar tal-ġurnata nidħlu f’parroċċa u noqgħod għal lejl fiċ-ċentri tagħha.”
Illum il-Papa Franġisku mistenni li jkompli bil-programm tiegħu fin-Nofsinhar tas-Sudan wara li fl-aħħar jiem kien qed iżur il-Kongo.