Saturday, November 23, 2024

In-Nadur, il-Qala, il-Knisja u l-Gvern

Aqra wkoll

Ma nafx jekk segwejtx il-kwistjoni li issa ilha għaddejja snin twal fir-rigward ta’ djar mibnijin fuq artijiet fin-Nadur u l-Qala, Għawdex, li l-fondazzjoni Abbazia di Sant’Antonio delli Navarra li tmur lura għas-Seklu 17, tikkontendi li huma tagħha. L-Abbazia kienet twaqqfet fl-1675 biex tieħu ħsieb artijiet ta’ mara nobbli, Cosmana Cumbo Stagno Navarra. Il-familja Stagno Navarra hija l-presunta eredi tan-nobbli Cosmana Cumbo Stagno Navarra.

L-Abbazia kienet kontrollata mill-Knisja. L-arċidjoċesi Maltija dejjem insistiet li l-Abbazia kienet fondazzjoni ‘ekkleżjastika’. L-Arċisqof kellu d-dritt li jappunta rettur għall-Abbazia jekk ma kienx ikun identifikat eredi maskili tal-familja Navarra. L-eredi Stagno Navarra, permezz ta’ Richard Stagno Navarra, illum mejjet, bħala amministraturi tal-Abbazia, kienu daħlu f’battalja legali mal-Knisja Maltija dwar il-każ. Damu fil-Qorti madwar 20 sena, bil-Knisja tirbaħ il-każ.

Il-midja rrappurtat li fil-proċess ġudizzjarju l-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-drittijiet ereditarji tal-familja Stagno Navarra qatt ma kienu dubitati u li l-proprjetajiet inkwistjoni qatt ma kienu ġew trasferiti lill-Uffiċċju Konġunt, l-entità li fl-1987 kienet responsabbli biex tieħu f’idejha l-artijiet li kellha l-Knisja.
Ġie rappurtat ukoll li llum l-Knisja Kattolika Maltija tinsisti li dawn l-artijiet qatt ma kienu tagħha u li f’digriet mogħti mill-Qorti fis-sena 2010 kien dikjarat li l-fondazzjoni kienet waħda ‘lajka’ u mhux ‘ekkleżjastika’ u allura kienet intenzjonata li tkun kontrollata mid-dixxendenti ta’ Cosmana Navarra.

Ġie rappurtat ukoll li fis-sena 2017 kien intlaħaq ftehim bejn l-Arċisqof Scicluna u l-familja Stagno Navarra li permezz tiegħu l-Knisja rrinunzjat il-pretensjonijiet tagħha wara li l-familja Stagno Navarra għamlet donazzjoni ta’ €200,000 lill-Knisja li kellhom jintużaw bħala suffraġju għal ruħ n-nobbli Cosmana Navarra. B’riżultat ta’ dan il-ftehim il-Knisja għaddiet il-kontroll tal-fondazzjoni lil persuna nominata mill-familja Stagno Navarra. Minn hawn beda l-proċess fil-Qorti min-naħa tal-Abbazia mal-familji li darhom hija mibnija fuq l-artijiet inkwistjoni. Fil-jiem li għaddew il-Qorti t’Għawdex ordnat li familja mill-Qala titlaq minn darha. Il-familja appellat mis-sentenza.

Meta l-Arċisqof Scicluna kien deher fil-Qorti t’Għawdex fuq dan il-każ kienet saret protesta quddiem il-Qorti minn numru ta’ Qalin u Nadurin kontra l-pożizzjoni li ħadet il-Knisja u li skont huma kienet tmur kontra l-interessi tal-familji li d-djar tagħhom kienu mibnijin fuq artijiet inkwistjoni.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan il-każ? Il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi b’mod dirett mill-midja, kien ċar daqs il-kristall. Akkuża b’oxxenità lil min hemm wara dan il-każ. Ħalli nirriproduċi x’qal eżattament il-Prim Ministru.

“L-ewwelnett it-terminu tal-appell minn dik is-sentenza għadu qed jgħaddi u allura wieħed jifhem li l-parti li qed tiġi mfittxija se tappella minn din id-deċiżjoni. Numru ta’ xhur ilu bħala Gvern konna għamilna azzjoni leġiżlattiva fis-sens li introduċejna leġiżlazzjoni biex tilqa’ dwar kwistjoni simili li qegħda tqum fin-Nadur. Nifhem li l-fatti speċi mhux neċessarjament huma identiċi iżda l-persuni wara din l-oxxenità li qegħdin jippruvaw jagħmlu huma l-istess persuni u xtaqt nagħti kumment dwar kwistjoni li lili ilha tħassibni għal numru ta’ xhur.

“Ħa nibda b’mod ġenerali kif inħares lejn il-komunità kummerċjali. Nemmen li din il-komunità kummerċjali hija essenzjali għat-tmexxija ‘l quddiem tal-pajjiż. Pero meta jkollok spekulaturi illi bħalma qed jagħmlu f’dan il-każ tramite l-Abbazia illi l-flus tagħhom jew il-multi-miljuni tagħhom jridu jagħmluhom askapitu ta’ persuni innoċenti insejħilhom jiena, a skapitu taż-żgħir, illi qegħdin jippruvaw jagħmlu aktar miljuni billi jieħdu r-residenzi tan-nies li probabilment ikunu l-uniku assi illi għandhom, mhux aċċettabbli.

“Dawn huma ħniżrijiet u ma niddejjaqx nuża din il-kelma, ta’ numru ta’ nies illi qegħdin jitħanżru askapitu taż-żgħir. Jien dħalt fi djar fin-Nadur li potenzjalment jistgħu jintlaqtu minn azzjonijiet simili u rajt nies jibku.

“Lill-persuni li qegħdin wara l-Abbazia se ngħidilhom li dal-Gvern se jagħmel dak kollu possibbli biex dawn il-ħniżrijiet ma jħallihomx iseħħu. Għandek numru ta’ persuni hawnhekk li ma niddejjaq xejn ngħid illi l-flus tagħhom iridu jkomplu jkattruhom billi jużaw jew iduru mal-liġi biex jikkapitalizzaw minnha.

“Mhux se nikkummenta b’mod speċifiku dwar id-deċiżjoni tal-Qorti, dik għadha suġġetta għall-appell. Nittama li f’kull stadju ta’ dan il-proċess, mhux biss fis-sentenza li ngħatat fil-ġimgħa li għaddiet imma anke f’deċiżjonijiet preċedenti li rradikaw ċerti drittijiet lill-Abbazia, illi l-Qrati tagħna imxew skont il-ħaqq u s-sewwa. Mhux se ngħid li ċerti dubji m’għandix però dawk inħallihom wara li jingħata l-ġudizzju finali.
“Li huwa żgur li nistenna li l-ġudikatura tagħna tkun viġilanti li ż-żgħir u l-batut jingħataw protezzjoni f’dan il-pajjiż u mhux il-protezzjoni tingħata lill-kapitalisti li f’dan il-każ insejħilhom b’mod mill-aktar ċar li huma kapitalisti, illi qegħdin jabbużaw mis-setgħat u l-konnessjonijiet li għandhom biex isawtu liż-żgħir. U jien mhux se nippermetti li xi ħadd issawwat lil dawk il-familji innoċenti u jipprova jeħdilhom djarhom.

“Tal-mistħija li qed jiġri f’dan il-każ, illi għandek sitwazzjoni ta’ nies li diġà huma multi-miljunarji u li jridu daqs kieku se jeħduhom magħhom għal wara mewthom aktar miljuni, li jippruvaw isawtu liż-żgħir b’dan il-mod. Se nkun iebes ħafna fuqha din il-kwistjoni. Il-Gvern diġà għamel leġiżlazzjoni li se tilqa’ għal sitwazzjonijiet simili li jistgħu jqumu. Dwar dan il-każ inkwistjoni naturalment il-parti konvenuta (il-familja milquta) trid tipproteġi l-interess tagħha billi ddaħħal ukoll l-appell minn din is-sentenza. Il-Gvern mhux qed jeskludi ebda rimedju ieħor.”

Meta tara dan kollu faċilment tasal għall-konklużjoni kemm hija kbira d-differenza bejn l-pożizzjoni li ħadet il-Knisja Maltija mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna u dik li ħa u se jkompli jieħu l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.

Fir-rigward tan-Nobbli Cosmana Cumbo Stagno Navarra naħseb li issa, wara ma nafx kemm-il sena ilha mejta, jekk kien jonqosha xi ftit biex ruħha tidħol il-Ġenna, il-€200,000 li daħħlet il-Knisja Maltija għandhom jipprovdu suffraġju biżżejjed biex tikseb aċċess liberu għat-tgawdija eterna.

Tal-aħħar lill-Knisja Maltija: Komplu naffru n-nagħaġ ‘il bogħod minnkom.
[email protected]

Sport