Jekk wieħed janalizza sew in-narrattiva Laburista f’dawn l-aħħar 12-il jum, naraw li l-messaġġ Laburista kien ibbażat fuq narrattiva ta’ kontinwità u stabbilità. Narrattiva li tenfasizza t-tkabbir ekonomiku. Narrattiva li tenfasizza l-appoġġ soċjali b’aktar flus fil-but u servizzi u kwalità tal-ħajja. Hi narrattiva li lill-poplu qiegħda turih li wara dak li sar, issa hemm passi oħra ġodda li jridu jsiru u għalhekk in-narrattiva ‘nieħdu lil Malta fil-livell li miss’.
Mil-lat psikoloġiku, in-narrattiva Laburista qiegħda twassal il-messaġġ li Malta diġa hi suċċess. Diġa qiegħda tirnexxi. Isemmulek x’qed jiġri barra. Il-problemi u l-isfidi u jgħidulek li dawk hawn ma jeżistux. Allura għaliex għandek tibdel?. In-narrattiva apparti li tagħfas fuq is-suċċess tgħidlek ma tirriskjax l-istabbilità li hawn illum. Kif inti illum taf, imma b’xi ħadd ġdid li ma tafux x’se jiġri?”


