L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s ikkonfermat għal darba oħra r-rating ta’ pajjiżna bħala A2. Dan filwaqt li kkonfermat rating stabbli għal pajjiżna.
Ta’ min wieħed jinnota li dan ir-rating li ġie mogħti lil pajjiżna jikkuntrasta ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom l-Awstrija, Franza, l-Polonja, l-Ungerija u r-Rumanija. Dan għaliex dawn għandhom prospetti negattivi fuq ir-rating tagħhom.
Dwar ir-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna l-esperti ta’ Moody’s sostnew li l-impatt tal-konflitt fil-Lvant Nofsani se jkun limitat. Dan ifisser li pajjiżna se jkompli jikber kważi d-doppju tal-medja Ewropea. Fattur importanti wara dawn huma s-sussidji tal-enerġija.
Minkejja s-sussidji, it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu flimkien ma’ titjib qawwi fil-ġbir tat-taxxi, se jwassal għal defiċit anqas. Il-piż tad-dejn huwa mistenni jkompli jonqos ukoll u jibqa taħt is-60% tal-ġid nazzjonali.
Dan kollu huwa possibbli grazzi għal Gvern li qiegħed jieħu passi biex itejjeb il-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan kien punt li ġie nnutat minn Moody stess.
B’rabta ma’ dawn ir-ratings pożittivi, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li filwaqt li ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għadhom kif ingħataw prospetti negattivi fuq il-klassifikazzjoni tagħhom minn Moody’s, l-aġenzija internazzjonali affermat mill-ġdid il-prospetti stabbli bbażati fuq it-tendenza qawwija tat-tkabbir ekonomiku Malti, dejn moderat u qafas istituzzjonali b’saħħtu.


