Friday, November 29, 2024

In-nefqa tat-turisti fl-ewwel 10 xhur tas-sena stmata li laħqet is-€723.3 miljun

Aqra wkoll

In-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna matul ix-xahar ta’  Ottubru kien stmat li jħallaq l-178,981, filwaqt li l-iljieli totali li qattgħu ammontaw għal 1,367,188.

Dan irriżulta minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn qalet li mit-total ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Ottubru, 163,573 minnhom ġew għal skopijiet ta’ vaganza, filwaqt li 9,199 ġew għal skopijiet ta’ negozju. 

L-istatistika turi li parti kbira mit-total tat-turisti li żaru pajjiżna f’Ottubru (39%) kellhom bejn il-25 u l-44 sena. Warajhom kien hemm dawk li għandhom bejn l-45 u 64 sena (34.2%).

Fl-istess waqt l-istatistika turi li 28.8% tat-turisti kienu Franċiżi, Ġermaniżi u Taljani.

L-istatistika turi li matul ix-xahar ta’ Ottubru kien hemm żieda ta’ 111,280 fl-iljieli li qattgħu f’pajjiżna meta kkumparat max-xahar preċedenti.

Matul ix-xahar ta’ Ottubru, in-nefqa totali mit-turisti qabżet il-€156.6 milijun.

Meta wieħed jikkonsidra l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, it-total ta’ turisti kien ta’ 765,215, żieda ta’ 21.3% meta wieħed iqabbel l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. 

Fl-istess waqt, meta wieħed iqabbel l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena ma’ dawk tas-sena ta’ qabel, l-istatistika turi li l-iljieli totali li t-turisti qattgħu f’pajjiżna żdiedu b’40.7%, u qabżu s-6.7 miljun.

In-nefqa tat-turisti fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena kienet stmata li laħqet is-€723.3 miljun, żieda ta’ 68.7% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Sport