Monday, May 13, 2024

In-negozji f’Malta żdiedu bi 2.2% fl-2022

Aqra wkoll

Stimi proviżorji maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fl-2022 kien hemm 58,386 negozju attiv f’Malta, li jfisser żieda ta’ 2.2% jew 1,253 negozju, fuq l-2021.

Is-settur tal-bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut u t-tiswija tal-vetturi u muturi kienu jammontaw għal 17.7% tan-negozji attivi segwiti mill-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi b’13.6% u s-settur tal-kostruzzjoni b’9.8%.

Meta mqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena ta’ qabel, in-negozji meqjusa żgħar ħafna (micro) li jħaddmu sa disa’ persuni żdiedu b’2%, filwaqt li negozji żgħar li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna żdiedu b’5%. 

In-negozji ta’ daqs medju li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna żdiedu b’4.9% u dawk li jħaddmu 250 persuna jew aktar żdiedu bi 11.5%. 

Fl-2022, 69.1 fil-mija tan-negozji attivi kienu taʼ persuni jaħdmu għal rashom u bi sħubija, 28.6 fil-mija kienu kumpaniji privati (Ltd jew Plc), filwaqt li 2.3 fil-mija kienu organizzazzjonijiet mhux għall-qligħ, koperattivi, korporazzjonijiet, friegħi jew impriżi konġunti.

Ċifri proviżorji juru li dawk li jħaddmu f’Malta kienu jlaħħqu l-20,033 fl-2022, li jfisser żieda taʼ 5.5 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel. Fl-2022, 56% taʼ dawk li jħaddmu kienu kumpaniji bʼresponsabbiltà limitata jew kumpaniji pubbliċi bʼresponsabbiltà limitata, filwaqt li 41% kienu persuni li jaħdmu għal rashom u bi sħubija.

Sport