Friday, May 3, 2024

Ħames xhur biex titlesta l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ Sofia

… Ippubblikati t-termini ta’ referenza skont kif maqbul mal-familjari

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern ippubblika t-termini ta’ referenza b’rabta mal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ JeanPaul Sofia. Il-bord tal-inkjesta se jkun qiegħed jitmexxa miċ-Chairperson l-Imħallef Emeritu Dr Joseph Zammit Mckion, is-Sur Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar bħala membri tal-bord.

Dan ħareġ minn informazzjoni li ngħatat lill-ġurnalisti fi briefing immexxija mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fejn ġew spjegati dawn l-istess termini ta’ referenza.

Fost dak indikat fl-istess terimini ppubblikati hemm li għandu jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited (C 93876) li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma Diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti jew xort’oħra.

Għandu jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja inkwistjoni u l-konsegwenzi tagħha;

Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-Istat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi u miżuri operazzjonali preventivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni. 

Għandu jiġi investigat ukoll jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi. 

L-investigazzjoni se titlob ukoll li jiġi verifikat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonali xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.

L-investigazzjoni se tara wkoll jekk kienx hemm  xi entità tal-istat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet misttennija tieħu sabiex tevita r-riskju ta’ korriment u/jew mewt.

It-termini jindikaw ukoll li għandhom jitressqu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, kemm regolatorji kif ukoll amministrattiivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni. 

L-inkjesta għandha titmexxa b’mod li ma tfixkilx u ma tippreġudikax l-integrità ta’ xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali jew proċedimenti legali oħra dwar l-inċident imsemmi. 

L-inkjesta pubblika għandha titmexxa f’waħda mill-awli tal-bini tal-Qorti u ssir bil-miftuħ. Iżda l-Bord għandu l-fakultà li jirrestrinġi l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni, xhieda jew dokumenti mogħtija lilu. 

Inoltre, il-Bord għandu d-diskrezzjoni li limitatament jirrestrinġi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni ta’ dawk il-partijiet tar-rapport li jkun jikkonsidra neċessarji sabiex jissalvagwardja protezzjoni tad-data, id-drittijiet tax-xhieda, is-sigurtà pubblika, sigurtà nazzjonali, jew proċeduri pendenti quddiem il-Qrati. 

Il-Bord għandu jagħmel ħiltu sabiex jikkonkludi xogħlu fi żmien ħames xhur mid-data tal-ħatra, dana però mingħajr preġudizzju għall-qadi komplet u adegwat ta’ dawn it-termini ta’ referenza. F’każ li l-Bord jara ħtieġa li jkompli ħidmietu oltre t-termini oriġinali ta’ ħames xhur, huwa għandu jinforma lill-Prim Ministru b’tali estensjoni. 

F’għeluq sena mit-tqegħid tar-rapport finali tal-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Gvern jintrabat li jiddibatti r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Bord.

Il-Ministru Attard spjega li qabel din il-pubblikazzjoni saret konsultazzjoni mal-familjari tal-vittma li min-naħa tagħhom taw ir-rispons għal dawn it-termini biex setgħu jiġu ffinalizzati skont kif maqbul bejn il-partijiet.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-inkjesta filwaqt li se tħares lejn aspetti differenti li setgħu wasslu għat-traġedja, għandha toffri rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm titjib f’dan is-settur.

Sport